L-eks champion Olimpiku Justin Gatlin xorta jemmen li jista’ jirbaħ id-deheb fl-Olimpjadi li ġew posposti għas-sena d-dieħla, dan minkejja li se jkollu 39 sena meta l-Logħob mistennija jsiru. L-Olimpjadi li kellhom jibdew f’Lulju, ġew posposti din il-ġimgħa minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Gatlin li għandu 38 sena, rebaħ il-midalja tad-deheb fl-Olimpjadi ta’ Ateni fl-2004 kif ukoll it-titlu dinji fil-100 metru f’Londra fl-2017.
Skont il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, l-Olimpjadi mhux se jsiru aktar tard mis-sajf tal-2021. Gatlin jagħlaq 39 sena fi Frar li ġej u xejjen dak li qed jgħidu ħafna nies, jiġifieri li ż-żmien jinsab kontrih. Hu qal għas-sena d-dieħla se jkun mimli enerġija minħabba li se jkun mistrieħ, iffoka aktar filwaqt li se jkollu aktar għatx għas-suċċess. Gatlin serva erba’ snin sospensjoni bejn l-2006 u l-2010 wara li nstab pożittiv għal testosterone. Ir-rebħa tiegħu fl-2017 kienet ukoll sorpriża wara li għeleb lil Usain Bolt li kien se jirtira u lill-konnazzjonal Christian Coleman. Gatlin saħansitra ma ċaħadx li jista’ jkompli jikkompeti wara l-2021.
//= $special ?>