Ekonomija Lokali

ĦAFNA FAMILJI URTATI: “Dan żmien il-kontijiet?”

Minkejja li huma ħafna dawk li spiċċaw bla xogħol jew b’ammont ta’ sigħat konsiderevoli mnaqqsa, numru ta’ dipartiment tal-Gvern għadhom qed jibgħatu diversi kontijiet li jridu jitħallsu fi żmien qasir.

Bosta huma dawk li tkellmu ma’ NET NEWS u qalulna li jinsabu urtati għall-mod kif qed iħossuhom tratti mill-Gvern.

Familji u anzjani li tkellmu magħna qalulna li l-ebda pakkett mit-tlieta li ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela ma jolqothom direttament u allura ftit li xejn għandhom flus dieħlin bħalissa minħabba l-kriżi ekonomika.

Minkejja dan, xorta qed jirċievu kontijiet li m’għandhomx minn fejn iħallsu.

Ħaddiem ieħor li tkellem ma’ NET NEWS qalilna li issa huwa l-mument li l-Gvern juri kemm hu tassew qalbu mal-ħaddiem. “Basta l-Prim Ministru ħareġ jattakka l-PN fuq id-dejn. Mhux aħjar qalilna kif se jgħin lilna? Issa mhux żmien il-politika partiġġjana”, qalilna dan ir-raġel li hu missier ta’ tliet itfal.

Il-konijiet li baqgħu joħorġu mhux biss kienu dawk tad-dawl u l-ilma iżda wkoll tat-taxxa.

Sa issa l-Gvern għadu ma ħabbar ebda miżura rigward dawn il-ħlasijiet li qed jirrabjaw lil ħafna nies.