Coronavirus Internazzjonali

L-isptarijiet ta’ Pariġi taħt pressjoni huma u jistennew ‘gelgul ta’ każijiet’

Il-Kap tal-Federazzjoni tal-Isptarijiet ta’ Franza qal li qabża ġdida fin-numru tal-pazjenti bil-coronavirus tfisser li l-isptarijiet f’Pariġi u l-madwar x’aktarx li jkunu qed joperaw sal-massimu tal-kapaċità tagħhom fi tmiem il-ġimgħa. Dan meta Franza mhix mistennija tara l-agħar tal-pandemija qabel ix-xahar id-dieħel.

Il-belt ta’ Pariġi u s-subborgi issa qed jagħmlu tajjeb għal aktar minn kwart tad-29,000 infezzjonijiet ikkonfermati bil-coronavirus fl-isptarijiet ta’ Franza – bi kważi 1,300 persuna jispiċċaw taħt kura intensiva. Iċ-ċifra tal-vittmi Franċiżi mill-coronavirus matul il-lejl tal-Ħamis (u skont l-aħħar aġġornament) kienet ta’ 1,696.

L-awtoritajiet f’Ile-de-France ( ir-reġjun ewlieni ta’ Pariġi) qalu li se jkollhom bżonn ta’ għajnuna speċjali f’dawn il-jiem minħabba li ‘il-firxa kbira tal-infezzjonijiet bil-Covid-19 qed tavviċina l-kapitali’. Dan wara li r-reġjun ta’  Grand Est kellu l-ewwel splużjoni ta’ infezzjonijiet, bir-riżultat li l-isptarijiet fiz-zona ma jistgħux ilaħħqu mal-pazjenti u bl-Armata qed tgħin biex titrasferixxi lill-persuni kritikament morda lejn bliet oħra.

Filwaqt li Franza tinsab taħt lockdown nazzjonali, l-uffiċjali fir-reġjun ta’ Pariġi qed jagħmlu li jistgħu biex isibu aktar sodod għat-taqsimiet tal-kura intensiva, flimkkien ma’ ventilators u staff mediku. L-istrateġija hi biex in-numru qawwi tal-pazjenti morda bil-Covid-19 jinfirxu madwar il-belt kapitali u s-sobborgi.