Coronavirus Lokali Saħħa

“Il-Gvern għandu jħares lejn is-sistema tas-saħħa tagħna b’mod proattiv u mhux reattiv” – PN

“Il-Gvern għandu jkun ippreparat bil-lest għad-domanda li se tiżdied fl-imxija tal-COVID-19 u mhux jimxi b’management by crisis jew fi ġlieda kontra l-ħin, filwaqt li għandu jara li hawn ir-riżorsi, l-attrezzar u r-riżors uman biżżejjed u meħtieġ għas-settur tas-saħħa.”, hekk qal il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa Stephen Spiteri waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien ma’ Mario Galea u Maria Deguara.

Stephen Spiteri qal li l-Oppożizzjoni nnutat il-partial lockdown bil-miżuri li tħabbru lbieraħ mill-Gvern, liema miżuri kellhom jittieħdu qabel biex nissalvagwardjaw is-saħħa ta’ dawk il-persuni l-iżjed vulnerabbli li jiġu nfettati bil-virus. Huwa qal li hawn bżonn ta’ miżuri ferm iżjed drastiċi meta fl-istess waqt teżisti kontradizzjoni b’ammont ta’ persuni li jagħmlu użu mit-trasport pubbliku u li jaħdmu fil-fabbriki, b’lok li l-virus jinfirex. Stephen Spiteri qal li kieku l-Gvern ħa l-miżuri li jagħlaq l-ajruport u l-portijiet qabel, meta l-Oppożizzjoni kienet qed tgħid li għandhom jingħalqu l-fruntieri biex il-virus ma jinfirix, kieku llum m’għandniex dan l-ammont ta’ persuni infettati u konna nnaqqsu l-piż fuq is-servizzi tas-saħħa fl-imxija tal-COVID-19. Meta llum għandna każijiet ta’ tixrid tal-virus fil-komunità, d-deċiżjoni tal-Gvern ittieħdet tard u ngħata lok li l-virus jinfirex.

Stephen Spiteri qal li din mhix biss emerġenza tas-saħħa imma wkoll sfida ekonomika u soċjali u għalhekk il-Gvern għandu jantiċipa dak li jista’ jinqala’ filwaqt li jitgħallem minn pajjiżi oħrajn. Bħala Oppożizzjoni qegħdin niltaqgħu regolarment mal-istakeholders kollha u konna proattivi bl-ideat u l-proposti konkreti kollha li ressaqna u li qegħdin noħorġu kuljum. Il-Gvern irid iħares lejn is-sistema tas-saħħa tagħna b mod proattiv u mhux reattiv meta tinsab taħt theddida bl-imxija tal-COVID-19, filwaqt li kulħadd għandu josserva id-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa, nosservaw is-social distancing, nevitaw sitwazzjonijiet fejn inxerrdu l-virus u nżommu l-iġjene bhala prijorità.

Mario Galea qal li qatt daqs illum m’għandna bżonn servizzi ta’ saħħa mentali ta’ emerġenza li jkun aċċessibli 24 siegħa kuljum, bħall-Crisis Intervention Team li kien jeżisti u żżarma fl-2013. Qed jinħass il-bżonn urġenti ta’ servizzi għall-emerġenza tas-saħħa mentali. Dan meta l-imxija tal-COVID-19 qed iżżid b’mod drastiku l-problemi tas-saħħa mentali u għalhekk għandna nieħdu ħsieb is-saħħa mentali bl-istess mod kif qed nieħdu ħsieb l-ġisem mill-virus. Huwa qal li waqt u wara din il-pandemija, d-dinja mhix se tibqa’ l-istess u l-ansjetà u d-dipressjoni se jiżdiedu meta n-nies qegħdin jibżgħu li jitilfu l-impjiegi, li jitilfu l-livell tal-għixien li mdorrijin fih. L-esperti qegħdin jitkellmu dwar awareness tas-suwiċidji, għaliex filwaqt li hemm bżonn u meħtieġ li tinżamm is-social distancing, is-solitudni qed tikber u social isolation hija waħda mill-kawżi tal-mard mentali. Mario Galea qal li din hija esperjenza għal kollox ġdida u diffiċli u rridu nitgħallmu l-coping mechanisms biex ngħaddu dawn iż-żminijiet ta’ sfida kbira. Huwa qal jinsab konvint li l-Maltin u l-Għawdxin huwa poplu reżiljenti u li hemm id-dawl fit-tarf tal-mina.

Maria Deguara qalet li l-Gvern mhux jagħmel użu tajjeb mir-riżorsi u tobba fil privat li huma l-gatekeepers fis-sistema tas-saħħa. Dan meta s-sejħa għat-tobba fil-privat kellu jsir iżjed kmieni u kellu jingħataw l-edukazzjoni u tagħmir sabiex huma u l-pazjenti jkunu fis-sigurtà. Hija qalet li t-tobba fil-privat ġabru l-informazzjoni waħedhom u bdew jaħdmu b’sistemi ta’ tele-medicine biex ma jkunux ta’ riskju għalihom u għall-pazjenti tagħhom. Il-Gvern għandu jindirizza n-nuqqas ta’ personal protection equipment (PPE) lit-tobba u l-fatt li l-Gvern għadu kif talab €2 miljuni f’tagħmir mediku jikxef in-nuqqas ta’ preparazzjoni. Tobba oħrajn jinsabu nkwetati wkoll għax meta jrid isir swab test fiċ-ċentri m’għandhomx it-tagħmir meħtieġ. Iċ-ċentri għandu jieqfu jkunu walk-in clinics u huwa importanti li jibqa’ jsir iffumigar. Maria Deguara qalet li l-helpline 111 għandu jitmexxa minn professjonisti meta l-COVID-19 issa jinsab fil-konunità u jista’ jkun fuq persuna mingħajr l-ebda sintomu. Hija qalet li l-imxija tal-COVID-19 kixfet nuqqasijiet fiċ-ċentru tas-saħħa u fi kliniċi u li dan għandu jwassal biex isir ippjanar aħjar għal ċentri ġodda, bereġ kif ukoll kliniċi privati.

Din il-konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa Stephen Spiteri kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa Mentali, d-Dimensja, l-Kura fil-Komunità, d-Diabete u d-Drittijiet tal-Annimali Mario Galea u mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar Anzjanità Attiva, l-Persuni b’Diżabilità u l-Ġlieda kontra d-Dipendenzi u l-Vizzji Maria Deguara.