Lokali

Il-Membri tal-Parlament Ewropew Maltin jipparteċipaw mill-bogħod f’sessjoni plenarja straordinarja

Il-Parlament Ewropew fi Strasburgu

Il-Parlament Ewropew ilbieraħ ivvota dwar tliet miżuri kbar biex l-Unjoni Ewropea tindirizza l-pandemija tal-COVID-19.

Is-sessjoni straordinarja tal-plenarja tal-Parlament ilbieraħ sare b’mod li qatt ma sar qabel – mill-bogħod. 687 MPE madwar l-Unjoni ppareċipaw minn djarhom u vvutaw bl-imejl hekk kif kien irrakkomandat biex inwaqqfu l-firxa tal-pandemija. Kienu biss ftit il-MPE preżenti fil-plenarja : Il-President Sassoli li mexxa s-seduti, u MPE li tkellmu fil-parti l-kbira f’isem il-gruppo politiċi tagħhom.

Il-MPE Maltin kienu fost dawk li pparteċipaw mill-bogħod.

Hawn huma l-kummenti tagħhom li taw ilbieraħ dwar il-vot mill-bogħod u għalfejn, il-miżuri li qed jittieħdu lbieraħ u l-impatt tagħhom, u l-azzjoni tal-UE biex tikkumbatti din il-pandemija u l-effetti tagħha ‘lil hinn mill-ħidma tal-lum :

Dwar il-vot mill-bogħod:

David Casa :
“Illum huwa jum storiku għall-Parlament Ewropew, hekk kif għall-ewwel darba, aħna l-Membri vvutajna b’mod elettroniku, mid-djar tagħna. Il-COVID-19 biddel il-mod ta’ kif ngħixu, ta’ kif naħdmu, u anke ta’ kif ninnegozjaw u napprovaw il-liġijiet Ewropej. Fil-verità, il-proċess hu wieħed simili ta’ kif issir is-soltu, bid-differenza li jieħu aktar ħin peress li l-voti jridu jingħaddu fiżikament. Ninsab ċert li wara l-vot tal-lum, se jkun hemm diskussjonijiet fix-xhur li ġejjin dwar kif nistgħu naħdmu aħjar, niddjalogaw aħjar u anke napprovaw liġijiet b’mod aktar malajr”.

Roberta Metsola :
“Se nivvotaw fuq wieħed mill-akbar pakketti li rat l-Ewropa. Ser inniedu fond ta’ 37 biljun euro biex ngħinu s-sistemi tas-saħħa, in-negozji u l-impjiegi. Se nwessgħu l-mekkaniżmu ta’ solidarjetà tal-UE biex ikopri emerġenzi tas-saħħa pubblika u niżguraw il-flessibilità meħtieġa biex nissalvagwardjaw linji tal-ajru, inklużi flotot żgħar bħall-Air Malta. Dan il-virus ma jaraf l-ebda fruntiera, u għalhekk irridu niżguraw li ma jkun hemm l-ebda differenza fir-rispons bejn Stati Membri kbar u dawk żgħar. Aħna lkoll qegħdin fl-istess dagħjsa. Dan għandu jkun il-proġġett tal-Ewropa fl-azzjoni”.

Miriam Dalli :
“Dak li qabel kienu jgħidulna li hu impossibbli issa sar possibbli: sal-lum qatt ma sar vot b’mod remot u anke bħala ommijiet fil-liv tal-maternità, qatt ma kellna l-vot remot. Il-mod ta’ kif ivvutajna llum kien wieħed pjuttost sempliċi, u limitat għal numru żgħir ta’ voti – li fl-opinjoni tiegħi juri bl-aktar mod ċar kemm il-Parlament Ewropew għandu bżonn jinvesti ferm aktar fit-teknoloġija.  Il-Parlament għandu jkun l-ewwel wieħed li jagħti eżempju”.
 
 Alfred Sant :
“Kien meħtieġ li ssir xi ħaġa biex il-Parlament Ewropew ma jispiċċax pjattaforma għat-tixrid tal-coronavirus jekk jiltaqa’ fiżikament fi plenarja. L-esperjenza ta’ vot mill-bogħod jidher li rnexxiet, imma l-voti li ttieħdu kienu ta’ struttura ħafifa. Irid isir aktar xogħol tekniku biex ix-xogħol li l-plenarja s-soltu twettaq ikun jista’ jittieħed kollu mill-‘bogħod’ mid-deputati kollha”.
 
Alex Agius Saliba :  
“Il-ħtiega li x-xogħol u d-deċiżjonijiet jkomplu jittieħdu f’dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji li qed ngħixu fihom hija waħda kbira. Iċ-ċittadini Ewropej jistennew minnha illi naġixxu sabiex nissalvagwardjaw is-sitwazzjoni ekonomika u sanitarja tagħhom f’dawn iż-żminijiet.”

Il-miżuri vvutati llum :

Josianne Cutajar :
“Kif stenna kulħadd l-aġenda ta’ din il-plenarja hija ffukata u ddedikata biss għal miżuri ta’ emerġenza b’rabta mal-imxija tal-COVID-19. Għaldaqstant ħadna deċiżjonijiet importanti dwar flessibilità tar-regoli fiskali u finanzjament kemm jista’ jkun spedit indirizzat anke lejn il-qasam essenzjali tas-saħħa tal-pajjiżi membri (u dawk li bdew it-triq lejn is-sħubija). Ilkoll ninsabu f’emerġenza, għad li mhux kull pajjiż milqut bl-istess rata s’issa, u l-Kummissjoni wieġbet għall-pressjoni tagħna l-Ewro-parlamentari f’qasir żmien biex illum il-Parlament Ewropew ta l-approvazzjoni ħalli nsostnu s-servizz mediku li qed jirċievu l-Ewropej. Is-saħħa hija prijorità ewlenija u l-fondi li l-Kummissjoni qed tiffaċilita huma primarjament indirizzati lil hemm. Hemm aktar oqsma li ntlaqtu direttament bl-imxija tal-virus u l-fondi Ewropej u l-faċilitajiet li qed nagħmlu possibbli huma intiżi biex il-pajjiżi membri jsostnu lin-negozji fi ħdanhom,inkluż dawk żgħar u medji, u jissalvagwardjaw l-impjiegi biex il-qawmien ekonomiku wara l-kriżi tal-pandemija jkun rapidu kemm jista’ jkun”.
 
Alfred Sant :
“Il-miżuri vvotati huma utli għalkemm baqa’ ħafna xi jsir qabel risposta Ewropea għall-imxija se tkun effettiva. Fuq ħafna fronti l-pajjiżi membri qed jaħdmu għal rashom. Għal Malta, kienet importanti d-deċiżjoni biex jitwal iż-żmien li l-kumpaniji tal-ajru se jkunu jistgħu ma jużawx is-slots tagħhom fl-ajruporti Ewropej bla ma jitilfuhom.”
 
Miriam Dalli :
“Il-miżuri li se nikkonfermaw illum fil-Parlament Ewropew għandhom l-għan li jindirizzaw tlett kategoriji differenti: investiment ta’ €37 biljun biex jgħin lin-negozji, ħaddiema u kumpaniji; estensjoni tal-iskop tal-Fond Ewropew għas-solidarjetà biex jindirizza skopijiet ta’ saħħa pubblika; u għajnuna lil-linji tal-ajru biex dawn ma joqgħodux itiru għal xejn, sempliċiment biex isalvaw slot f’ajruport. Huwa importanti li kull pajjiz, inkluż Malta, tagħmel l-aħjar użu minn dawn il-fondi u mir-regoli temporanji li qed toħrog il-Kummissjoni Ewropea biex jgħinu lill-ħaddiema u lil min iħaddem”.
 
Roberta Metsola :
“Ir-riposta tagħna ma tistax tkun nofs qalb. Ma nistgħux nibżgħu nonfqu u ma nistgħux naħsbuha darbtejn qabel nagħmlu dak kollu li hemm bżonn biex nissalvagwardjaw l-ekonomiji u l-impjiegi tal-popli tagħna”. Metsola ħeġġet lill-gvernijiet tal-Istati Membri biex jirreaġixxu malajr u qalet li “in-nuqqas ta’ azzjoni jew kull tip ta’ eżitazzjoni se iffissru prezz għoli li rridu nħallsu”.


Alex Agius Saliba :
“Għalkemm dawn il-miżuri huma mportanti u ser ikunu ta’ ftit solljev għaċ-ċittadini u l-industriji Ewropej, nistgħu nagħmlu ferm aktar. Illum se nkun qed nivvota favur il-miżura li jiġu allokati 37 biljun euro f’fondi ta’ koeżjoni li ser jintużaw sabiex nimmobilizzaw investimenti fil-kura tas-saħħa f’kull stat membru filwaqt illi ngħinu lill-ekonomiji. Vot importanti huwa wkoll dak dwar is-sospensjoni tar-regoli dwar l-użu tal-islots fl-ajruporti: din is-sospensjoni hija kruċjali għall-Air Malta hekk kif bħalissa b’numru ta’ titjiriet li mhux qed jiġu operati qiegħda f’riskju illi titlef l-aċċess futur biex topera minn u lejn numru ta’ ajruporti kruċjali”.
 
David Casa :
“Nemmen li, bħal dejjem, l-Unjoni Ewropea qed terġa’ tqum għall-okkażjoni u turi li meta ċ-ċittadini Ewropej l-aktar li jkollhom bżonnha, tkun hemm – kemm biex tassigura li l-pajjiżi għandhom l-aqwa riżorsi biex jindirizzaw il-pandemija tal-virus, kif ukoll biex l-impatt ekonomiku u soċjali fuq l-impjiegi tan-nies ikun l-inqas possibbli. Faċli mhix, pero’ nemmen li bil-pakkett propost mill-Kummissjoni Ewropea u approvat minna llum, it-triq li qbadna hi waħda fid-direzzjoni t-tajba”. 
 
‘Lil hinn mill-ħidma tal-lum:
 
David Casa :
“Issa rridu nassiguraw li dak li approvajna llum ma jkunx l-aħħar pass, imma l-ewwel minn sensiela ta’ għajnuniet lill-gvernijiet, negozji u ħaddiema madwar l-Ewropa kollha. Forsi fuq l-aħbarijiet naraw kif l-ammonti ta’ nies li mardu bil-coronavirus hu akbar f’pajjiż milli f’ieħor, pero’, jien ninsab ċert li l-impatt ekonomiku u soċjali mhux biss se jkun fuq pajjiż wieħed jew tnejn, imma fuq l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, inkluż Malta”.
 
Alex Agius Saliba :
“Dawn għandhom ikunu l-ewwel sett ta’ inizjattivi u fil-futur qarib hemm bżonn illi l- Kummissjoni Ewropea tmexxi ‘l quddiem aktar pakketti ta’ għajnuna sabiex nevitaw kollass ekonomiku u soċjali fuq livell Ewropew. Qed nisħaq illi għalkemm nilqa’ b’mod pożittiv il- flessibilita’ fl-inizjattiva tal-Kummissjoni wieħed għandu jikkunsidra wkoll ir-realtajiet partikolari ta’ kull stat membru fosthom l-industriji żgħar u medji ta’ pajjiżna li huma aktar suxettibli li jiġu negattivament affetwati minn din il-krizi”. 

Josianne Cutajar :
“Nemmen li jonqos x’nagħmlu. Neħtieġu Pjan ta’ Salvataġġ għat-Turiżmu, qasam li fuqu tistrieħ l-ekonomija ta’ reġjuni u anke pajjiżi bħal Malta u Għawdex. Ir-restrizzjonijiet imposti għall-ġid tagħna lkoll jagħtu aktar minn daqqa ta’ ħarta lill-avjazzjoni, is-settur tal-ospitalità, tal-ikel u tad-divertiment. Dawn ma jfissrux biss profitti u investiment imma impjiegi u għajxien tal-familji. Mingħajr għajnuna diretta u mingħajr ma nħallu lill-gvernijiet jieħdu l-miżuri li jħossu li huma neċessarji biex jinjettaw il-fiduċja u l-ħajja f’dawk l-inizjattivi li jqisu kruċjali, l-impatt ekonomiku negattiv tal-virus se ndumu ntabbu bih bil-wisq aktar mill-virus innifsu”.
Roberta Metsola (PPE):  “L-uniku mod kif nirreaġixxu għal din il-kriżi tal-COVID-19 huwa li l-Ewropa tkun magħquda b’solidarjetà sħiħa. Dan ifisser li għandna nagħmlu dak kollu possibbli biex nimminimizzaw il-kontaġju, inżommu l-linji tal-provvista tal-Ewropa funzjonali, niżguraw li s-sistemi tal-kura tas-saħħa jkollhom l-appoġġ kollu meħtieġ u nissalvagwardjaw l-impjiegi f’dan il-mument daqstant kritiku”. 

Miriam Dalli :
“Dan mhux iż-żmien fejn kulħadd jaqdef għal rasu. Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von de Leyen stqarret bl-aktar mod ċar li r-rispons fil-bidu kien tal-mistħija meta anke l-esportazzjoni ta’ ċertu tagħmir mediku ġie mwaqqaf. Irridu naċċertaw ruħna li ngħaqdu l-forzi tal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea flimkien biex il-provvista ta’ prodotti essenzjali tibqa’ għaddejja. Wara kollox fejn hemm l-għaqda hemm is-saħħa. Nemmen li dan l-atteġġjament biss jista’ jgħinna nqumu lura fuq saqajna malajr kemm jista’ jkun”.