Lokali Qorti

Il-Qorti Kostituzzjonali tordna li l-Ingliż mixli bi qtil brutali f’Cheshire jiġi estradit

Il-Qorti Kostituzzjonali ordnat li l-Ingliż Christopher Guest More, li ilu maħrub minn pajjiżu għal 16-il sena sħaħ, għandu jiġi estradit minn Malta biex huwa jgħaddi ġuri fl-Ingilterra dwar każ ta’ qtil ta’ ċertu Brian Waters.

Guest More ta’ 45 sena, minn Warrington kien qed jiġi mitlub mill-awtoritajiet Ingliżi biex jiffaċċa l-ġustizzja fir-Renju Unit fuq l-omiċidju ta’ Brian Waters, sid ta’ razzett li jipproduċi l-kannabis, f’Ġunju tal-2003. More jista’ jeħel sa għomor il-ħabs, jekk jinstab ħati fl-Ingilterra.

Huwa kien qed jikkontesta l-fatt li jgħaddi proċeduri fir-Renju Unit wara referenza għar-rapporti li ngħadu mill-House of Commons u għaqdiet oħra Ngliżi li kienu ddeskrievu ħabs HMP f’Manchester bħala wieħed ta’ żmien l-era ta’ Charles Dickens, fejn tenna li l-istat tiegħu mhux tajjeb, fosthom li huwa maħmuġ u mhux tajjeb biex jgħixu fih in-nies, u li huwa inaċċetabbli.

Permezz tal-avukati tiegħu huwa kien talab li jibqa’ Malta u dan peress li żżomm persuna f’ħabs bħal dan huwa bla dubju trattament inuman u degradanti. Madankollu l-Qorti Kostituzzjonali preseduta mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul qalet li wara li għamlet reviżjoni ta’ rapport finali minn espert fuq il-ħabs, li ma tistax tikkonkludi li jekk sakemm jgħaddi ġuri More se jkollu jibqa’ f’detenzjoni fil-ħabs imsemmi, ma jkunx f’riskju għal xi trattament inuman u degradanti.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li minkejja li huwa evidenti li f’dan il-ħabs hemm diversi fatturi li jridu jiġu ndirizzati biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-priġunieri, sar progress raġonevoli fl-indafa u ż-żamma tal-post, u anke fl-ikel, fejn huwa minnu li fil-passat xi ikel kien jintrema’ barra mit-twieqi.

Għaldaqstant mill-provi rriżulta li mhux ippruvat li d-detenzjoni taqbeż il-limiti ta’ severità kif mitluba minn Artiklu 3 tal-Konvenzjoni u Artiklu 36 tal-Kostituzzjoni. Tliet irġiel oħra, John Wilson ta’ 69 sena, James Raven ta’ 60 sena u Otis Matthews ta’ 41 sena, diġa qegħdin iservu sentenza ta’ għomor il-ħabs wara li nstabu ħatja fuq dan il-qtil.

Brian Waters kien ġie ttorturat u msawwat għall-mewt quddiem żewġ uliedu adulti, li kienu ġew sfurzati jaraw lil missierhom jinqatel wara x-xeba’ kbira li qala’ wara li ġie marbut fuq siġġu. Waħda minn uliedu kien għad kellha biss 21 sena.

Huwa dam jiġi torturat għal tliet sigħat, bil-vittma ta’ 44 sena jsofri minn 123 ferita meta kien qala bil-frost, tpoġġa rasu l-isfel, attakkat minn pisola tal-istaples u abbużat sesswalmwent fir-razzat li jinsab f’Tabley, ġewwa Cheshire.

Il-każ kien seħħ fuq flus fejn kollox kien relatat ma’ droga. Guest Moore kien ġie arrestat f’Malta s-sena l-oħra, f’operazzjoni konġunta mal-Pulizija Ingliża. Il-Qorti Kostituzzjoni għaldaqstant ikkonfermat is-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati u l-Qorti tal-Appell. L-Avukati Arthur Azzopardi u Rene Darmanin deheru għall-akkużat. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet milll-Avukat tal-Istat Victoria Buttigieg.