Futbol Sport

Ilejla fid-9:30pm fuq Net Television | Replay b’aktar rakkonti bi stejjer mill-passat tal-futbol Malti

Il-programmi Replay, li jixxandru fuq Net Television, nhar ta’ Ġimgħa u nhar ta’ Ħadd filgħaxija, se jkomplu jwasslu programmi dwar il-futbol lokali b’differenza u riċerkati matul dawn iż-żminijiet xejn sbieħ, fejn anke l-futbol lokali jinsab sospiż minħabba t-tixrid tal-COVID-19. Minn nhar il-Ħadd li għadda, il-programm Replay xandar programm speċjali li kien jikkonsisti minn servizzi li xxandru fil-passat minn Replay, mir-rubrika tant popolari, ‘Eku tal-Passat’, b’kitba u produzzjoni ta’ Christian Micallef. Ir-rispons tal-pubbliku sportiv kien wieħed kbir u fi kliem il-Producer Eżekuttiv ta’ Replay, Micallef “kont sorpriż ħafna bl-ammont ta’ messaġġi li rċevejt mit-telespettaturi regolari tal-programm iżda mhux biss; saħansitra minn individwi li normalment ma jsegwux Replay għaliex mhumiex dilettanti tal-logħba.”

Għaldaqstant minn din il-ġimgħa, ċioé mill-programm tal-lejla, Replay Preview li jixxandar nhar ta’ Ġimgħa fid-9:30pm fuq Net Television, se jibda jkun hemm żewġ appuntamenti ta’ kull ġimgħa, fejn inwasslu programmi b’servizzi differenti mill-irkejjen popolari fosthom ‘Eku tal-Passat’, ‘X’Sar Minnhom?’, ‘Replay Drive’, ‘Stilel tal-Futur’ u saħansitra r-rubrika ‘Replay Top Five’. Din tal-aħħar kienet rokna li xxandret fuq Replay aktar minn ħames snin ilu, kienet popolari ħafna u f’dawn il-ġimgħat, il-programmi Replay se jkun qed jerġa’ iwassal dawn is-servizzi li huma parti mis-suċċess li kiseb il-programm tul l-20 sena li llu xxandar.

Fil-programm tal-lejla, Replay Preview se jkun hemm żewġ dokumentarji speċjali mir-rubrika ‘Eku tal-Passat’. Iż-żewġ servizzi tal-lum se jkunu dwar żewġ stejjer storiċi u li huma żgur għal qalb il-partitarji tal-klabbs ta’ St. George’s u Sliema Wanderers. Fl-ewwel dokumentarju, se nsegwu rakkont tal-istaġun 1974/75, meta it-tim ta’ Bormla (wieħed mill-klabbs bi storja antika u sabiħa fil-futbol Malti) temm fl-aħjar posizzjoni tiegħu fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti f’dawn l-aħħar snin.

Fit-tieni dokumentarju, se nsegwu r-rakkont tal-istorja tal-partita meta f’Settembru tal-1968, Sliema Wanderers qabżu l-ewwel rawnd tat-Tazza tat-Tazzi tal-UEFA b’rebħa ta’ 1-0 f’Malta kontra US Rummelange tal-Lussemburgu. Intant nhar il-Ħadd li ġej, f’edizzjoni oħra speċjali ta’ Replay li tibda fis-6:40pm fuq Net Television u tibqa’ għaddejha sal-10pm (b’waqfa għal Net News), se terġa’ tkun qed tiffoka fuq rakkonti ta’ stejjer mill-passat marbuta mat-tim nazzjonali Malti.