Lokali

Ir-rivista Sagħtar b’web portal ġdid – tista’ taqra l-edizzjonijiet passati

Hekk kif l-MUT qiegħda tipprepara l-ħruġ mill-ġdid tar-rivista Sagħtar, bi pjaċir qed tħabbar proġett ġdid marbut ma’ din ir-rivista. Dan huwa pjattaforma diġitali li tinsab fis-sit saghtar.org.mt u fiha wieħed jista’ jaċċessa l-edizzjonijiet passati tar-rivista.

L-MUT ilha numru ta’ xhur taħdem sabiex terġa’ tippubblika r-rivista tant popolari Sagħtar permezz ta’ fondazzjoni li ġiet irreġistrata fl-aħħar xhur. Parti minn din il-ħidma tikkonsisti fil-ħruġ tal-edizzjonijiet passati tar-rivista f’format diġitali. Fiċ-ċirkustanzi li fihom ħafna tfal u żgħażagħ jinsabu d-dar mal-familja, l-MUT ħasbet li tgħaġġel ftit il-pjanijiet u issa qed toffri l-ewwel sett ta’ rivisti tas-snin li għaddew f’forma diġitali. Dawn huma aċċessibbli għal kulħadd meta wieħed jissieħeb bħala membru tal-Fondazzjoni fis-sit saghtar.org.mt. Dan il-proċess huwa bla ħlas.

Il-President tal-MUT Marco Bonnici kkummenta dwar dan u qal li r-rivista Sagħtar hija “sors ta’ informazzjoni, aneddoti, poeżiji, ċajt, stejjer u ħafna aktar li wieħed jista’ jieħu gost iqatta’ s-sigħat jaqra u jara, u forsi anki jfittex fihom għal xi proġetti tal-iskola. Dawn l-edizzjonijiet għandhom ukoll iqanqlu l-interess tal-ġenituri, li żgur jiftakruhom sew meta kienu jattendu l-iskola u issa jistgħu jaqsmuhom ma’ wliedhom.”

Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Elaine Germani sostniet li s-Sagħtar nistgħu nsejħulu patrimonju kulturali bil-Malti, u tajjeb li ngħożżuh, nippreservawh imma wkoll inżommuh ħaj, speċjalment issa li qegħdin nerġgħu naħdmu fuq l-edizzjonijiet il-ġodda.

Aktar informazzjoni ssibuha fis-sit saghtar.org.mt u fil-paġna ta’ Facebook facebook.com/saghtar. Dan il-proġett qiegħed jitwettaq mill-Fondazzjoni Sagħtar fi ħdan il-Malta Union of Teachers.