Ambjent Coronavirus Lokali

Is-sajjieda, il-bdiewa u r-raħħala jeħtieġu għajnuna diretta mill-gvern

Il-miżuri tal-gvern li jorbtu lill-persuni ta’ ‘l fuq minn 65 sena milli joħorġu mid-dar, tfisser daqqa oħra għal ħafna bdiewa, raħħala u sajjieda li se jsibuha aktar diffiċli biex ikomplu bix-xogħol tagħhom. Diversi raħħala u bdiewa li għandhom l-annimali fl-irziezet tagħhom, prodotti miżrugħa fl-għelieqi,  biegħa lesta għall-pitkalija u uċuħ ta’ raba’ lesti biex jinżergħu jew ikomplu jiġu maħduma, issa kważi ma jistghux jibqgħu jaħdmu għaliex ma jistgħux joħorġu mid-dar.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Self Employed, in-Negozji ż-Żgħar, l-Koperattivi, l-Biedja u s-Sajd Edwin Vassallo, il-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li huwa għall-gid tagħhom li dawn il-bdiewa u raħħala ma joħorġux minn djarhom, dan ifisser kemm telf ta’ flus għalihom u għall-familji tagħhom kif ukoll inqas biegħa ta’ prodotti fil-pitkalija għall-bejgħ biex jinxtraw mill-familji Maltin u Għawdxin.

Għas-sajjieda li fil-preżent ħerġin mill-closed season għall-qbid tal-pixxispad u fil-bidu tal-istaġun tas-sajd, dan ikompli jżid mal-uġiegħ ta’ ras li għandhom. Il-fatt li s-sajjieda ta’ ‘l fuq minn 65 sena ma jistgħux imorru għas-sajd ser ikun ifisser telf ta’ xogħol għall-familji ta’ dawn il-persuni. Minħabba għadd ta’ raġunijiet, fosthom l-għeluq tar-restoranti u l-lukandi, l-bejgħ tal-bdiewa u s-sajjieda naqas konsiderevolment.

Minħabba dawn id-diffikultajiet il-PN iħeġġeġ lill-Gvern jifhem il-ħtieġa ta’ pakkett ta’ għajnuna maħsub apposta għall-bdiewa, raħħala u sajjieda u dan biex bħala pajjiż nagħmlu li nistgħu biex naraw li l-aħħar ftit familji li huma sostnuti mill-biedja u sajd u mill-bejgħ tal-prodotti  u tal-annimali ma jispiċċawx jiddeċiedu li jkun aħjar għalihom li jieqfu jaħdmu. Minkejja li jistgħu jingħataw eżenzjonijiet biex dawn ikomplu b’xogħolhom, jeħtieġ li jikber l-impenn biex nassiguraw provista ta’ ikel frisk għal pajjiżna, liem provista jistgħu joffruhielna s-sajjieda, bdiewa u raħħala. F’dawn iċ-ċirkustanzi straordinarji, il-Partit Nazzjonalista qiegħed ġustament jitlob għal aktar għajnuna intenzjonata speċifikament għall-bdiewa, raħħala u sajjieda li kulma jmur qegħdin isibu aktar diffikultajiet.