Internazzjonali

Iżrael: Benny Gantz jissieħeb fi Gvern għall-għaqda ta’ emerġenza

L-eks Kap tal-Armata Iżraeljana, Benny Gantz, qabel li jissieħeb fi gvern ta’ għaqda ‘għall-emerġenza’, f’deċiżjoni li temmet sena ta’ staġnar politiku, iddominata minn tliet elezzjonijiet.

Gantz imexxi lill-Alleanza (politika) tal-Blu u Abjad li hi rivali kbira tal-Prim Ministru Iżraeljan (u Kap tal-Partit Likud) Benjamin Netanyahu. Intant, l-elezzjoni sorpriża ta’ Gantz bħala Speaker tal-Parlament (Knesset) fl-aħħar sigħat serviet biex twitti t-triq għall-ftehim dwar il-Gvern.

Skont dan il-ftehim, Gantz se jibqa’ fir-rwol ta’ Speaker sakemm jinħatar Ministru għall-Affarijiet Barranin. L-istess ftehim jesiġi biex Benny Gantz jassumi l-kariga ta’ Prim Ministru Iżraeljan f’Settembru tal-2021.

Benny Gantz kien irrifjuta li jservi taħt Benjamin Netanyahu għaliex il-Prim Ministru Iżraeljan qed jistenna biex jgħaddi ġuri, fejn irid iwieġeb akkużi dwar tixħim, frodi u ksur ta’ fiduċja.

Madankollu, il-ftehim jaħseb biex, għalissa, Netanyahu ikompli bħala Prim Ministru sad-data ( f’Settembru tal-2021) meta hu jeħtieġ iwarrab għal Gantz.

Għalkemm il-Partit Likud ta’ Netanyahu rebaħ l-aktar siġġijiet fl-elezzjoni ġenerali ta’ dan ix-xahar f’Iżrael ( it-tielet waħda f’anqas minn sena fil-pajjiż) kien hemm aktar deputati li rakkmandaw biex Benny Gantz jingħata l-mandat biex jifforma Gvern.

Netanyahu u Gantz, fl-istess ħin, qed ikunu mħeġġa biex iwarrbu l-politika u jiġġieldu lill-pandemija ġdida tal-coronavirus, li affettwat 2,600 persuna f’Iżrael waqt li kienet swiet il-ħajja ta’ tmien persuni.

Filwaqt li l-Alleanza ta’ Gantz kienet ħalfet biex ma tifforma qatt parti minn Gvern ‘li għandu l-Prim Ministru li qed jiffaċċja l-akkużi kriminali’, din l-entità issa sfaxxat, wara li tilfet kull tama li tifforma Gvern u meta l-membri tagħha, issa, se jkollhom jaħdmu flimkien ma’ Netanyahu f’din l-amministrazzjoni ta’ emerġenza.