Coronavirus Lokali Saħħa

Jitwaqqaf il-proġett tal-isptar pre-fabricated

Chris Fearne jammetti li minkejja l-miljuni li inteffqu minn flus il-poplu, l-Isptar San Luqa mhux lest biex jgħin fil-kriżi tal-COVID-19

Minkejja l-miljuni li Steward qed jingħataw kull sena, mit-taxxi tal-Maltin, St Luke’s huwa sptar li ma jistax jintuża għall-pazjenti, issa li f’Malta il-każijiet tal-COVID-19 qed ikomplu jizdiedu.

Minkejja li l-Prim Ministru Robert Abela baqa’ qatt ma ammetta dan, il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne minn naħa tiegħu ammetta li f’San Luqa d-deal tal-Gvern falla. Dan meta l-Ħamis kien qed jindirizza lill-media.

Kieku l-€240 miljun li ngħataw lil Vitals u Stewards issarrfu f’investiment reali, kieku l-isptarijiet jinsabu lesti u ppreparati għal kull eventwalità. U issa, ġejna bżonn sptar ieħor pre-fabricated li se jsir fil-parkeġġ ta’ ħdejn Mater Dei.

L-applikazzjonijiet għal dan il-proġett ħarġu u għalqu f’temp ta’ tliet ijiem – fatt li ħoloq dubji serji, tant li din il-ġimgħa stess issemma’ fil-Parlament anke mill-Kap tal-PN Adrian Delia.

Id-dubji komplew jiżdiedu wara li fl-aħħar sigħat, Chris Fearne ħabbar li dan il-proċess għalissa kellu jitwaqqaf.

Il-Partit Nazzjonalista ilu xhur jinsisti li Steward qed jitolbu l-miljuni meta ma wettqux l-obbligi tagħhom ta’ modernizzar u investiment fl-isptarijiet.

Kuntrarju għal dawn il-manuvri kollha, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia dejjem tkellem dwar punt ċar ħafna fejn għadu jinsisti li l-isptarijiet jirritornaw għand in-nies, tant illi anke fetaħ waħdu kawża l-Qorti.