Lokali Qorti

Kumpens jitnaqqas bi ftit għal raġel li weġġa l-Freeport 12-il sena ilu

Raġel li 12-il sena ilu kien assenjat mill-Freeport biex jagħmel xogħol ta’ ‘lashing’ u li kien ingħata kumpens ta’ €47,061 mill-Qorti wara li sofra ġrieħi fis-suba’ tan-nofs ta’ idu l-leminija kellu l-kumpens tiegħu mnaqqas bi ftit.

Dan  peress li s-somma li għandu jieħu, minnha għandha titnaqqas it-taxxa u l-bolla. Joseph Bonnanno kien fetaħ kawża għad-danni kontra l-Malta Freeport Limited fejn qal li fit-8 ta’ Diċembru tal-2007, fuq inkarigu tal-Freeport, ħadem fuq il-vapur MV Rabat, sorġut f’Terminal Numru 1 fil-Freeport, Kalafrana.

Il-kumpanija Freeport appellat fuq bil-kawża tispiċċa fil-Qorti Kostituzzjonali li ddeċidiet li s-somma fuq dan il-kumpens għandha tkun dik ta’ €41,343.75.

Bonnano kien weġġa’ waqt li kien qiegħed jorbot il-kontejners abbord il-vapur mill-irbit tagħhom, u waqt li kien qieghed jissikka “bottle screw”, inqalghet il-ħadida li torbot lill-kontejner ma’ postha.

B’konsegwena ta’ hekk, is-suba’ tan-nofs ta’ idu l-leminija nqabad bejn il-“bottle screw” u l-imsemmija ħadida. Minħabba dan l-inċident huwa sofra diżabilità permanenti ta’ 3% u dam ma jaħdem għall-perjodu ta’ bejn it-8 ta’ Diċembru tal-2007 u t-12 ta’ Ġunju tal-2008.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Prim’Awla tal-Qorti Ċvili, li kienet preseduta mill-Imħallef Silvio Meli kienet qalet li minkejja li Bonanno huwa self-employed, l-ghodda moghtija mill-Freepot li ntużat minnu meta seħħ l-inċident ma kinitx dik adattata għax-xoghol li kien mitlub li jagħmel.

Il-Qorti qalet li Bonnanno sofra diżabilità permanenti ta’ 2% u għalhekk ordnat lill-Freeport biex jagħtih kumpens ta’ €47,061 Minn naħa tagħha l-Qorti Kostituzzjonali preseduta mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi u l-Imħallfin Joseph R. Micallef u Tonio Mallia qalet li  mis-somma, ghandhom jitnaqqsu x’kien ihallas Bonnanno bhala taxxa tad-dhul u kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà socjali.

Meta l-Qorti qieset dak li gie ddikjarat fl-FS 3 tiegħu ghas-sena 2008 u nħadem b’mod proporzjonali dak li huwa ħallas bħala taxxa u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, s-somma li għandu jieħu hija ta’  €41,343.75, u dan bl-imghax li jibda jgħodd ghandu mid-data tal-ewwel sentenza.