Internazzjonali

L-Istati Uniti: L-aktar pajjiż b’infezzjonijiet ikkonfermati

L-Istati Uniti, issa, għandha aktar każi tal-coronavirus ikkonfermati minn kwalunkwe pajjiż ieħor tad-dinja – meta, s’issa, irreġistrat ‘il fuq minn 85,500 testijiet pożittivi.

Skont l-aħħar ċifri mill-Johns Hopkins University, l-Istati Uniti issa qabżet liċ-Ċina, li għandha 81,782 każ u l-Italja, bi 80,589. Madankollu, il-vittmi tal-Covid-19 fl-Istati Uniti jammontaw għal 1,300, li hu anqas sew mit-3,291 mejtin fiċ-Ċina u t-8,215 mejtin fl-Italja.

Il-President Amerikan Donald Trump qal, fil-White House, li l-istatistika ‘tirrifletti l-ammonti tat-testijiet li qed isiru’, bil-Viċi-President Amerikan, Mike Pence jgħid li saru 552,000 testijiet għall-coronavirus madwar l-Istati Uniti.

Fl-istess ħin, Trump qed jinsisti b’mira – li qed tkun ikkritikata ferm – biex l-Istati Uniti ‘tiftaħ mill-ġdid għax-xogħol’ f’Ħadd il-Għid, it-12 ta’ April. Dan meta sar magħruf li 3.3 miljun Amerikan ( ċifra bla preċedent) ingħataw  is-sensji b’riżultat tal-coronavirus.