Kummerċ Lokali

Palumbo tikkundanna allegazzjonijiet defamatorji

Il-kumpanija Palumbo Shipyards qalet li hija qed tikkundanna l-allegazzjonijiet dwar l-istqarrija li ħarġet mill-pressure groups u tenna li sa issa ma hemm l-ebda ftehim finalliżat mal-MSC Cruises, anke jekk dan il-ftehim iseħħ ikun ifisser benefiċċji pożittivi għall-ekonomija Maltija.

Il-kumpanija qalet li l-istqarrija maħruġa mill-pressure groups mhija xejn għajr provokazzjoni mis-solita suspettati li għal dawn l-aħħar 10 snin kellhom biss l-intenzjoni li jkissru t-tarzna, u ftit irrealzzaw li qegħdin jagħmlu ħsara mhux biss lil Palumbo fuq livell internazzjonali, iżda wkoll lil Malta.

Palumbo qalet li hija qed tikkundanna bla riżervi l-allegazzjonijiet defamatorji u qed tirriżerva d-dritt li tieħu azzjoni legali. Aktar minn hekk, iż-żmien li fihom qegħdin isiru dawn il-kummenti jinżlu ħażin ma’ dak li jkun peress li l-kumpanija hija fil-preżent iffukata li ssalva l-impiegi tal-ħaddiema tagħha u li tikkontribwixxi lejn l-ekomomija Maltija waqt din il-kriżi globali minħabba l-COVID19.

“Palumbo Shipyards tpoġġiet mal-aqwa tliet kumpaniji fil-ġeneru tagħha fid-dinja, u minkejja l-kriżi li qed niffaċċaw bħalissa, se nkomplu naħdmu fl-interess ta’ Malta u ċ-ċittadini tagħha,” qal kelliem tal-kumpanija.