Lokali Saħħa

Talba għal aktar kjarezza fuq il-ftehim bejn Palumbo u MSC

L-assoċjazzjoni tar-residenti mir-reġjun tal-Kottonera u NGO’s oħra kitbu lill-Prim Ministru u membri oħra Parlamentari dwar il-ftehim li sar bejn l-MSC li jmexxu l-cruise liners u Palumbo li jmexxu t-tarzna f’Bormla.

Huma qalu li filwaqt li t-termini ta’ dan il-ftehim għandhom mhumiex magħrufa mir-residenti u l-pubbliku inġenerali, hemm tħassib inkwetanti dwar din l-impriża konġunta u dan minħabba diversi nuqqasijet kontroversjali li seħħew fil-passat minn naħa ta’ Palumbo.

Il-firmatarji ta’ din l-ittra qegħdin jitolbu azzjoni ta’ nfurzar li għandha tittieħed qabel mal-ftehim jiġi fis-seħħ. Fl-ittra tagħhom ir-residenti qalu li jinsabu nkwetati li jekk il-ftehim jiġi approvat fost affarijiet oħra se jkun hemm ksur fir-regolamenti dwar skart tossiku.

Hawn mhux se jbatu huma, imma anke l-ħaddiema fejn il-maġġoranza tagħhom ġejjin minn pajjiżi bħal Rumanija, Bulgarija u l-Italja, u li qegħdin jiġu abbużati peress li jaħdmu f’kundizzjonijiet xejn xierqa.

Ingħad li mhemm l-ebda salvagwardja għal dawn il-ħaddiema fejn minbarra li jseħħu diversi nċidenti, l-ebda taxxa ma titħallas minn dawn il-ħaddiema. Il-Forum Komunità Bormliża qalet li hija diġa kellha laqgħat mas-Segretarju Ġenerali tal-GWU, iżda sa issa għadu ma nbidel xejn.

L-assoċjazzjoni tar-residenti mill-Kottonera qalet li problemi oħra huma l-istorbju, kwalita ta’ arja ħażina, rwejjaħ u għadd ta’ poblemi oħra. Il-firmatarji tal-ittra huma  Azzjoni: Tuna Artna Lura/Action: Give us back our Land Association for Justice Equality and Peace Flimkien Għal Ambjent Aħjar Friends of the Earth Malta Forum Komunità Bormliża Futur Ambjent Wieħed Moviment Graffitti The Senglea Historical Society Żminijietna  u Voice of the Left.