Coronavirus Lokali

AĠĠORNATA: 10 każi ġodda ta’ COVID-19 – 3 każi fl-ITU

“Irridu nżommu d-dixxiplina”, stqarrija li għamel Chris Fearne l-għada li l-Prim Ministru saħaq li l-anzjani jistgħu joħorġu u m’humiex f’lockdown. Chris Fearne għal darb’oħra reġa’ appella li l-persuni msemmija minnu l-Ħamis għandhom jibqgħu f’darhom għal kemm ikun hemm bżonn.

Il-Ministru għas-Saħħa u Deputat Prim Ministru ħabbar ukoll li fl-aħħar 24 siegħa f’Malta ġew irreġistrati 10 każi pożittivi ġodda ta’ COVID-19 sabiex issa l-każi laħqu l-149.

Aktar tard, fil-konferenza tal-aħbarijiet indirizzata issa puntwalment ta’ kuljum minn Profs. Charmaine Gauci dan l-ammont ġie kkonfermat

Sfortunatament minn dawn l-10 każi hemm raġel Malti ta’ 72 sena li jinsab f’qagħda serja fl-ITU u qed jingħata l-kura permezz tal-ventilator. L-anzjan iddahhal l-isptar fis-26 ta’ Marzu – l-ewwel test irriżulta negattiv iżda t-tieni test immarkalu pożittiv. Huwa għandu kumplikazzjoni ta’ pulmonite fiż-żewġ pulmuni. Huwa kellu kuntatt ma xi ħadd mill-qraba tiegħu li kien diġà mmarka pożittiv – qarib li ġab il-virus minn barra minn Malta.

Każ ieħor huwa ta’ cluster ta persuni li gew mill-FIlippini. Persuna minn din il-familja kellu s-sintomi hekk kif ġew minn barra minn Malta. Minn din il-cluster mara ta’ 40 sena, raġel ta’ 41 sena u raġel ieħor ta’ 47 sena, lkoll mill-Filippini.

Raġel mill-Ingilterra ta’ 59 sena residenti Malta kellu sintomu wkoll li ma bediex itiehem l-affarijiet – kif ġie lura nżamm taħt kwaratina.

Malti ta’ 30 sena li ġie lura fit-13 ta’ Marzu minn Pariġi ħarġulu s-sintomi fl-24 ta’ Marzu. Profs Charmaine Gauci saħqet li qed jiġi monitorat min seta’ kellu kuntatt mar-raġel.

Ġew mħabbra wkoll 4 każijiet trażmessi lokalment – Healthcare worker ta’ 34 sena. B’rabta ma’ dan il-każ għaddej contact tracing fuq il-post tax-xogħol.

Dan filwaqt li Malti ta’ 36 sena mmarka pożittiv; huwa partner ta’ persuna li mmarkat pożittiv aktar qabel. Tħabbru wkoll żewġ każijiet oħra ta’ żewġt irġiel Indjani – household contacts ta’ każ ieħor li ġie pożittiv. Dan il-każ jidher li żviluppa fuq post tax-xogħol.

Għaldaqstant dan ifisser li preżentament hemm 3 każijiet fl-ITU; l-anzjan ta’ 61 sena u mara ta’ 60 sena li Profs. Gauci saħqet li huma f’qagħda stabbli filwaqt li hemm l-anzjan ta’ 72 sena li sfortunatament jinsab intubat u fuq il-ventilator.

Profs. Charmaine Gauci saħqet li l-poplu jrid jidra l-istil ta’ ħajja ġdida għal dan iż-żmien sabiex fl-eventwalità li l-virus jinxtered b’rata allarmanti ma ninqabdux fuq sieq waħda. Hija appellat ukoll sabiex dawk il-persuni li joqgħodu ma’ persuni anzjani u vulnerabbli jevitaw li jmorru fuq il-post tax-xogħol u jaħdmu permezz ta’ teleworking – f’inqas minn 24 siegħa wara li l-Prim Ministru Robert Abela saħaq li dawn in-nies jistgħu joħorġu għax-xogħol. Anke fid-dawl li dawn mhux ser ikunu qed jitħallsu bil-quarantine leave.

Profs. Charmaine Gauci appellat ukoll għas-social distancing kemm fuq il-post tax-xogħol kif ukoll id-dar stess. Hija spjegat ukoll li dawn il-persuni vulnerabbli għandhom kemm jista’ jkun jieklu għalihom, jorqdu f’sodda għalihom u saħansitra jużaw kamra tal-banju għalihom.

Hija sostniet li dan il-perjodu ser ikun qed jieħu fit-tul u għaldaqstant talbet għall-koperazzjoni sħiħa mill-pubbliku.

Intant, aktar kmieni f’konferenza tal-aħbarijiet mtella’ f’Għawdex, il-Ministru ħabbar ‘il fuq minn mitt sodda kif ukoll 13-il sodda fl-ITU fl-isptar Għawdxi lesti għall-eventwalità tat-tixrid ta’ COVID-19 fil-gżira Għawdxija, dejjem bit-tama li dawn is-sodod ġew mfassla għalxejn.

Chris Fearne rringrazzja wkoll lill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa, Stephen Spiteri tal-ħidma kontinwa li qed iwettaq lil’hinn mill-politika partiġġjana.

Huwa saħaq dan mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex – immexxi minn Steward Healthcare fejn huwa stess ammetta li hemm kwistjonijiet kummerċjali bejn il-Gvern u Steward, vis a vis il-kuntratti mfassla taħt Gvern Laburista – liema kwistjoni però ser tingħata ‘l ġenb f’dawn il-ġimgħat.

Meta mistoqsi minn NET NEWS, il-Ministru Chris Fearne spjega li wara l-allegazzjonijiet imwettqa mill-Membru Parlamentari Jason Azzopardi, huwa stess waqqaf is-sejħa għat-tender dwar il-pre-fabricated hospital.

Dan filwaqt li l-Ministru għall-Għawdex Clint Camilleri spjega li l-anzjani f’Dar Sant’Anna fir-Rabat, Għawdex ser jiġu rilokati f’binja oħra fiz-zona. Dan sabiex jiġu liberati 80 sodda oħra dedikata għall-pazjenti pożittivi.

Ġie spjegat li minkejja li t-testijiet ta’ swabbing qed isiru f’Għawdex, dawn xorta waħda jiġu proċessati xorta waħda fl-Isptar Mater Dei iżda xorta waħda dan ma jfissirx li r-riżultati ikollhom xi nuqqas ta’ kwalunkwè xorta.