Atletika Sport

67 sena ilu miet l-aqwa atleta Amerikan tal-ewwel nofs tas-seklu 20

67 sena ilu miet Jim Thorpe, meqjus mill-ġurnalisti Amerikani bħala l-aqwa atleta Amerikan fl-ewwel nofs tas-seklu 20. Hu twieled fit-28 ta’ Mejju tal-1888 fil-post li llum hu magħruf bħala Oklahoma u miet f’California. Hu kien jilgħab futbol Amerikan ma’ Carlisle u kien jissejjaħ bħala plejer versatili. Fl-1912, Thorpe rebaħ id-decathlon u l-pentathlon fl-Olimpjadi li saru fi Stokkolma fl-Iżvezja.

Sena wara saret investigazzjoni mill-Amateur Athletic Union li uriet li fl-1909 u l-1910 kien lagħab baseball fuq bażi semiprofessjonali. Għalhekk hu ma kellux jieħu sehem f’kompetizzjoni Olimpika u sussegwentament tneħħewlu l-midalji tad-deheb li kien rebaħ.

Bejn l-1913 u l-1919, Thorpe lagħab ma’ New York Cincinnati u t-timijiet tal-baseball ta’ Boston fin-National League. Hu kien plejer ta’ suċċess bejn l-1919 u l-1926 fil-futbol Amerikan professjonali. Fl-istaġun 1920/21 sar l-ewwel President tal-Assoċjazzjoni tal-Futbol Amerikan Professjonali, magħruf wara bħala National Football League (NFL). Thorpe spikka wkoll fi sport differenti bħal basketball, boxing, lacrosse, għawm u hockey.

Minkejja li kien iddikjarat bħala wieħed mill-aqwa atleti ta’ kull żmien, problemi ta’ alkoħol u n-nuqqas ta’ abbiltà biex jaġġusta x-xogħol tiegħu minbarra l-isport, wassal biex Thorpe kien qrib il-faqar. Il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali rrikonoxxa l-istatus tiegħu ta’ amaetur fl-1982 u sussegwentament reġgħu rrikonoxxewh bħala rebbieħ tad-decathlon u l-pentathlon fl-Olimpjadi tal-1912. Il-midalji Olimpiċi tiegħu reġgħu ngħataw lill-familja tiegħu fl-1983 mill-President ta’ dak iż-żmien Juan Antonio Samaranch.