Coronavirus Lokali

ABELA VS FEARNE: “Fin-nofs hemm saħħitna” – Adrian Delia

Il-Prim Ministru Robert Abela mar kontra dak li qal il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne meta ta messaġġi konflinġenti waqt l-aħbarijiet fuq ix-xandir tal-istat.

Robert Abela qal li l-miżuri li se jidħlu llum mhumiex lockdown, meta l-awtoritajiet tas-saħħa qalu lill-vulnerabbli u dawk li joqogħdu magħhom biex ma joħorġux.Imma l-Prim Ministru b’mod politiku dawwar din id-deċiżjoni. Saħansitra l-awtoritajiet tas-saħħa lill-anzjani qalulhom biex ma joħorġux jixtru imma l-Prim Ministru dawwar dawn l-ordnijiet li nħarġu mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Dak li qal il-Ministru tas-saħħa kien ċar għal 118,000 persuna u dawk li joqogħdu magħhom.

Stqarr dan il-Kap tal-PN Adrian Delia meta lbieraħ kien intervistat waqt il-programm Xarabank.

Min-naħa tiegħu hu insista li għandna nimxu ma’ dawk l-ordnijiet li tagħti s-supritendenza tas-saħħa.

Adrian Delia qal li aktar ma nieħdu l-prekawzjonijiet malajr aktar aħjar.

Il-Kap tal-PN semma li kull darba li nnaqqsu t-tixrid tal-virus jfisser li jkun hemm eluf ta każi li ġew evitati.Il-kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru kien reattiv għall kull deċiżjoni li kellha tittieħed, fost oħrajn l-għeluq tal-iskejjel, ir-ristoranti u anke l-miżuri ekonomiċi, li kienu tard u ftit wisq. Adrian Delia qal li hemm bżonn mhux Gvern reattiv imma Gvern li jaġixxi. Irridu naġixxu fil-ħin.Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Gvern irid jintervjeni b’mod ekonomiku, u anke f’dan ir-rigward irid ikun deċiżiv biex isalva n-negozji, u l-postijiet tax-xogħol. Semma kif il-miżuri li ħabbar il-Gvern mhux qed isiru kif suppost, mingħajr ippjanar bil-quddiem.

Il-Gvern qed ikun selettiv ma min jaġixxi.Dwar it-tieni pakkett ta’ għajnuna, Adrian Delia qal li fejn ix-xejn hu pożittiv imma ma ħasibx biżżejjed f’kulħadd.Adrian Delia qal li l-Gvern nefaq €240 miljun biex St. Luke’s, u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex ingħaddew lill-barranin biex issa l-isptar San Luqa ġie abbandunat minn barranin li ma nvestew xejn.Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li se jkollna bżonn 500 ventilator li jiswew sitt miljuni, l-istess ammont li ngħata Ram Tumuluri.Semma kif il-Gvern qed jagħti mas-sebgħin miljun ewro fis-sena lil Steward.

Semma kif hemm mas-600 infermier li qed jaħdmu fuq il-fruntiera jiġġieldu dan il-virus. Dawn l-infermieri talbu li jkollhom l-allowance imma l-Gvern mhux jgħinhom u anke fuq l-overtime qed jintaxxahom.Adrian Delia saħaq li għandhom jorħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma bin-nofs. It-traħħis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma għandhom jorħsu għall-batut u mhux għall-partiti politiċi.

Il-Prim Ministru flok iħares lejn il-kontijiet tad-dawl u l-ilma tal-PN għandu jgħin lil min hu fil-bżonn bil-prezz tal-kontijiet jorħos bin-nofs.Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista semma numru ta’ proposti li ressaq il-Partit Nazzjonalista, fosthom għajnuna mill-Gvern biex jgħin lill-ħaddiema kollha. Saħaq li bħalissa mhux żmien is-surplus u d-defiċit imma huwa żmien in-nies. Saqsa jekk il-Gvern hux lest li jagħti garanzija li mhux ħa jintifu xogħlijiet, kumpaniji ma jfallux u ma jiżdiedux it-tbatijiet.

Adrian Delia, qal li jemmen fil-ħaddiem, jemmen fil-kapaċitajiet tal-Maltin imma dawn għandhom bżonn l-għajnuna.Min-naħa tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia apella biex flimkien mal-Gvern jiltaqgħu mal-imsieħba soċjali, jaraw min jista’ jgħin u ninċentivawhom ħalli jgħinu lill-batut.Bħalissa kull negozju f’pajjiżna għaddej minn perjodu ta’ stress u ma rridux noħolqulhom iktar stress, tenna Adrian Delia.

Adrian Delia qal li l-Unjoni Ewropea tatna l-permess, biex ikun hemm għajnuna lin-negozji tagħna. Dan hu investiment fil-Maltin u l-Għawdxin. Saħaq li għandha ssir pressjoni fuq l-UE, biex ikun hemm pakkett ta’ għajnuna lill-pajjiżna.

Il-Kap tal- PN qal li bħalissa mhux żmien il-partiġġjaniżmu huwa żmien li ningħaqdu u bħala nazzjon irridu nitgħallmu li flimkien nistgħu ngħelbu din il-kriżi u noħorġu aktar b’saħħitna.Adrian Delia meta mistoqsi kif dan il-virus affetwalu ħajtu, qal li hu mhux imbeżża’ mis-sitwazzjoni imma qed ikun kawt u attent dwar is-sitwazzjoni.

Huwa qal li ilu ġimgħat ma jara lill-uliedu minħabba din il-kriżi, saħaq li qed jieħu l-prekawzjonijiet kollha wkoll biex il-ġenituri tiegħu li huma avvanzati fl-eta jkunu protetti.Is-social distancing, huwa diffiċli imma dan is-sagrifiċċju se jwassalna għal rebħa.