Futbol Sport

Bħal-lum 21 sena ilu tħassret il-logħba Kroazja v Malta mill-UEFA

F’dawn il-jiem, Malta kellha tilgħab żewġ partiti ta’ ħbiberiji kontra Ġibiltà u l-Ażerbajġan iżda dawn tħassru minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Wieħed u għoxrin sena ilu, ħarġet l-aħbar li l-konfront li Malta kellha tintlagħab kontra l-Kroazja f’Żagreb tħassret. Il-President ta’ dak iż-żmien l-Avukat Joe Mifsud, kien informa lill-plejers u lill-ġurnalisti li l-UEFA kienet laqgħet it-talba ta’ Malta biex il-logħbiet ta’ taħt il-21 sena u l-logħba tat-tim nazzjonali jiġu posposti.

Dan kollu beda meta l-Ħamis filgħaxija jiġifieri l-25 ta’ Marzu, il-plejers Maltin urew it-tħassib tagħhom li jmorru jilagħbu l-Kroazja, speċjalment minħabba li Żagreb hi biss 300 kilometru bogħod minn Belgrad fil-Jugoslavja fi żmien meta kien hemm il-gwerer f’dawk in-naħat tal-Ewropa. Il-laqgħa saret ma’ Joe Mifsud u Norman Darmanin Demajo, biż-żewġ uffiċjali tal-MFA immedjatament jibdew ħidma mal-UEFA sabiex jitolbu li dawn il-logħbiet jitħassru.

Il-Kroazja ma riditx li tħassar il-partita iżda l-MFA reġgħet iltaqgħet mal-plejers Maltin il-Ġimgħa filgħaxija u qaltilhom li d-deċiżjoni se tittieħed il-Ħadd 28 ta’ Marzu. Proprju dakinhar, Joe Mifsud kien informa lil dawk konċernati li l-logħba kienet ġiet posposta. F’kumment lil In-Nazzjon, Joe Mifsud kien qal li “il-UEFA ma ħaditx id-deċiżjoni għax jien membru tal-Eżekuttiv tal-UEFA iżda għax raw li kellna raġun fit-talba tagħna. Il-UEFA ħadet deċiżjoni oġġettiva u mhux soġġettiva għax jien Joe Mifsud. Dan mhux il-mod kif taħdem il-UEFA. Rebħet il-loġika.”