Internazzjonali Mużika

Bob Dylan b’kanzunetta ġdida wara 8 snin

Il-kantant rinomat Bob Dylan ppublika kanzunetta ġdida li ġġib l-isem ta’ Murder Most Foul – kanzunetta li titratta l-assassinju tal-eks President Amerikan John F. Kennedy.

Il-kanzunetta mnedija mill-kantant ta’ 78 sena, għandha mas-17-il minuta u hija l-ewwel mużika ppublikata mill-Amerikan wara waqfa ta’ 8 snin.

Fil-lirika tagħha, l-kanzunetta tesplora l-assassinju tal-1963 f’Dallas kif ukoll titkellem dwar il-festival mużikali ta’ Woodstock. Jissemmew ukoll ikoni kulturali bħal The Beatles, Stevie Nicks u Marilun Monroe.

Bob Dylan ppublika l-kanzunetta tiegħu fuq Twitter u Youtube filwaqt li ħeġġeġ lil kulħadd sabiex jieħu l-prekawzzjonijiet kollha meħtieġa fid-dawl tal-kriżi tal-pandemija li d-dinja qed taffaċja.

L-aħħar studio album ta’ Bob Dylan, li issa ilu fil-karriera mużikali għal dawn l-aħħar 60 sena, kien ġie mniedi lura fl-2012 u jġib l-isem ta’ Tempest.

Dan l-aħħar huwa kien ingħata wkoll il-Premju Nobel għal-Letteratura.