Internazzjonali

COVID-19: X’seħħ fl-aħħar 24 siegħa

Jiżdiedu l-imwiet fl-Italja – Trump bl-akbar pakkett finanzjarju

Il-pandemija tal-Coronavirus qed tpoġġi l-ekonomiji dinjija għarkopptejhom. S’issa l-każijiet pożittivi globali jlħaqu l-598,000 – l-ammont totali ta’ mwiet huwa dak ta’ 27,372 u b’kollox s’issa fiequ aktar minn 133,000.

Tul il-ġurnata tal-Ġimgħa, l-Italja rreġistrat l-agħar jum s’issa tul din il-kriżi tal-COVID-19 wara li f’24 siegħa tilfu ħajjithom 969 persuna filwaqt li l-każijiet pożittivi żiedu b’4,400.

Dan ifisser issa li l-ammont totali ta’ fatalitajiet fil-pajjiż ġar tagħna issa laħaq id-9,134. Aktar minn 500 mit-total ta’ mwiet fl-aħħar 24 siegħa kienu mir-reġjun ta’ Lombardia – ċifri li ġew imħabbra ftit tas-sigħat wara li l-Awtoritajiet tas-Saħħa Taljani saħqu li l-Italja għadha ma laħqitx il-peak tal-firxa tal-virus.

Fid-dawl ta’ dan kollu l-Prim Ministru Giuseppe Conte saħaq li l-iskejjel ser ikunu qed jibqgħu magħluqa lil’hinn mit-3 ta’ April.

Dan filwaqt li flimkien mal-President tar-Repubblika Sergio Mattarella, appellaw lill-Unjoni Ewropea għal aktar għajnuna l-għaliex skonthom, l-istati membri jistgħu jitilfu r-raġuni taħt din il-kriżi prekarja.

Fil-Ġermanja s-Sibt l-ammont ta’ każi żiedu b’6,294 filwaqt li f’24 siegħa l-imwiet żiedu b’55 – sabiex issa l-każi pożittivi jittotalizzaw 48,582 filwaqt li l-fatalitajiet huma 325.

Fi Spanja, t-tieni l-aktar pajjiż fid-dinja bl-akbar ammont ta’ mwiet kawża tal-Coronavirus – total ta’ 5,138 – mistennija joħolqu aktar ventilaturi permezz tat-teknoloġija tat-3-D printing.

Fi Franza fl-aħħar 24 siegħa l-imwiet laħqu l-299. L-Awtoritajiet tas-saħħa Franċiżi spjegaw li il-Ġimgħa ġew totalizzati ftit inqas minn 33,000 każ pożittiv – madwar 4,000 każ aktar mill-jum preċedenti.

Fir-Repubblika tal-Irlanda, il-Prim Ministru Leo Varadkar ħabbar Lockdown totali għal dawn il-ġimgħatejn li ġejjin.

Dan filwaqt li l-President tal-Istati Uniti Donald Trump ħabbar pakkett ta’ emerġenza finanzjarja li jlaħħaq $2 triljun wara li tul il-jum tal-Ġimgħa, l-pajjiż sar l-aktar wieħed madwar il-globu bl-ogħla rata ta’ każijiet pożittivi bl-ammont ilaħħaq il-100,000. Il-Gvern Amerikan ser ikun qed jagħti ekwivalenti għal madwar €1,100 lil kull ċittadin Amerikan li jaqla’ inqas minn $75,000 fis-sena – wara li din il-ġimgħa l-persuni jirreġistraw qabżu t-3 miljuni.

Donald Trump sostna li ser ikun qed jordna lil General Motors sabiex joħolqu l-ventilaturi li tant is-settur mediku għandu bżonn sabiex jiġġieled lil din il-pandemija.

Intant, traġedja abbord cruiseliner li jinsab ftit ‘il barra mill-kosta tal-Panama. 4 persuni abbord iz-Zaandam tilfu ħajjithom kawża tal-COVID-19. Qalb il-passiġġieri hemm mal-138 persuni li għandhom is-sintomi ta’ influenza, b’1,243 jinsabu fil-kabini tagħhom f’iżolazzjoni.