Formula 1 Sport

Ecclestone jara tama żgħira li l-kampjonat tal-Formula 1 isir kif ippjanat

(Ritratt: EPA)

Bernie Ecclestone ftit għandu tama li l-istaġun tal-Formula 1 isir dan l-istaġun minħabba l-pandemija tal-coronavirus. L-eks Kap tal-Formula 1 li llum għandu 89 sena, kien qed jitkellem mid-dar tiegħu fil-Brażil fejn fosthom qal li ma jarax ċans li l-Grand Prix tal-Gran Brittanja f’Silverstone issir kif ippjanat f’Lulju.

Ecclestone qal li din hi l-unika ħaġa li wieħed jista’ jagħmel biex kulħadd ikun sigur u ħadd ma jagħmel arranġamenti li jista’ jkun li ma jkunx possibbli. Hu saħansitra qal li ma jaħsibx li għandu jkun hemm tlielaq u minflok għandhom jiffukaw għas-sena d-dieħla.

Il-Formula 1 qalet li tittama li jkollha staġun ta’ bejn 15 u t-18-il tellieqa, bil-kampjonat jibda fis-sajf. Iżda Ecclestone li kien responsabbli bil-kalendarju għal snin twal sakemm spiċċa mill-kariga fl-2017, kien pessimist dwar iċ-ċans li dan iseħħ. “Inkun veru, veru, veru sorpriż kienu jirnexxilhom jagħmluha. Nittama li jirnexxilhom verament. Jistgħu jagħmlu tlieta jew erba’ tlielaq fil-bidu tas-sena d-dieħla u jkunu jgħoddu mal-kampjonat tal-2020,” qal Ecclestone.