Lokali

“Il-miżuri mħabbra llum jindirizzaw uħud mit-tħassib tal-Oppożizzjoni, l-istudenti u l-għalliema”

Jeħtieġ aktar direzzjoni u ppjanar bil-quddiem fil-metodi tal-E-Learning

“L-Oppożizzjoni tilqa’ l-miżuri mħabbra llum biex tiġi mitigata s-sitwazzjoni li l-pandemija qed toħloq fis-settur edukattiv u fl-edukazzjoni ta’ wliedna filwaqt li tappella biex jigu kkjarifikati l-kriterji li bihom l-Matsec se tkun qed tikkalibra u timmodera l-karti tal-MOCK Examinations sabiex isir standardizzazzjoni rett u ġust.”

Kien dan il-messaġġ tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni, Clyde Puli dwar il-miżuri ġodda li ġew imħabbra dwar l-Edukazzjoni.

Clyde Puli qal li l-miżuri jindirizzaw uħud mit-tħassib li esprimiet l-Oppożizzjoni fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, liema tħassib kien ibbażat fuq diskussjonijiet mal-istudenti, l-ġenituri, l-għalliema u l-esperti b’mod partikolari. L-istudenti li kienu qed jippjanaw li jersqu għas-SEC u l-MATSEC fil-ġimgħat li ġejjin, issa jafu, tal-anqas b’mod ġenerali, x’inhi s-sitwazzjoni tagħhom u dan se jnaqqsilhom hafna stress. Dawk tal-MATSEC jafu li jridu jippreparaw biex jagħmlu l-eżami f’ Settembru li ġej bil-possibbiltà li jersqu għal resit f’Diċembru u dawk tas-SEC jafu li se tinħareġ marka bbażata fuq il-MOCKS fuq żewġ livelli: Livell 3, li huwa l-ekwivalenti tal-marki minn 1 sa 5 u  Livell 2 li huwa l-ekwivalenti tal-marki minn 6-7 (fis-SEC). Dan ma jfissirx li ċerti pożizzjonijiet ma jeħtieġx li jkunu kkjarifikati aħjar halli kulħadd ikollu direzzjoni ċara; fosthom dawk li se jersqu lejn l-eżamijiet bħala kandidati privati u dawk li kienu se jersqu għall-eżamijiet tal-A-Levels wara l-ewwel sena skolastika fis-6th form. Għad trid tittieħed ukoll pożizzjoni dwar kif u jekk hux se jitkomplew is-sillabi tal-10 sena tas-Sekondarja li jwasslu għas-SEC tal-2021.

L-Oppozizzjoni tinnota wkoll li d-domandi li qajmet dwar l-istrateġija u l-implimentazzjoni tal-E-learning jibqgħu mhux imwieġba, la dawk short term u l-anqas dawk long term. Dan meta s-settur edukattiv jeħtieġ aktar u mhux anqas l-għajnuna tat-teknologija fiż-żmien li qed ngħixu fih.


L-Oppożizzjoni finalment terġa’ tappella għal monitoraġġ u ħarsien tat-tfal vulnerabbli li għalihom l-iskola kienet l-uniku post ta’ wens u mħabba. L-Oppożizzjoni terġa’ tieħu l-opportunità li tirringrazzja lill-għalliema u l-edukaturi kollha kif ukoll lill-kapijiet u t-tmexxija tal-iskejjel li fi żminijiet ta’ kriżi qamu għall-okkazjoni u qed jagħtu dak kollu li jistgħu f’ċirkostanzi kritiċi. Fl-istess waqt l-Oppożizzjoni tixtieq tagħmel kuraġġ lill-istudenti kollha f’dawn iz-żminjiet diffiċli.