Internazzjonali

Imut Rev. Joseph Lowery – ikona tad-drittijiet ċivili fl-Istati Uniti

Rev. Joseph Lowery

Tħabbret il-mewt ta’ wieħed mill-mexxejja tad-Drittijiet Ċivili fl-Istati Uniti, Revered Joseph Lowery, fl-età ta’ 98 sena, li f’nofs -il 20 seklu kien spalla ma’ spalla ma’ Martin Luther King fil-kampanja favur l-ugwaljanza fost ir-razzez.

Lowery twieled fl-1921 f’Huntsville, Alabama. Flimkien ma’ King, huwa kien waqqaf il-grupp tad-drittijiet ċivili Southern Christian Leadership Conference fl-1957.

Joseph Lowery kien magħżul sabiex jitkellem fl-inawgurazzjoni tal-ewwel President Amerikan ta’ karnaġjon skur, Barack Obama – lura fl-2009 u aktar tard f’dik is-sena kien ġie onorat bil-Medal of Freedom – l-ogħla unur li bniedem ċivili jista’ jingħata fl-Istati Uniti.

Lowery kien deskritt minn bosta bħala bniedem li qatt ma qata’ qalbu quddiem ħadd u xejn – bniedem li pprotesta dejjem għad-drittijiet tal-emerġinati fis-soċjetà Amerikana.

Lura fl-2006 huwa kien kritika b’mod qawwi lill-eks President tal-Istati Uniti George W Bush fejn kien saħaq li għall-gwerra noħorġu l-biljuni, iżda flus għal foqra ma kellux, fiż-żmien meta l-Amerikani kienu qed jitħabtu fl-Iraq u l-Uragan Katrina kien wettaq ħerba f’New Orleans.