Coronavirus Lokali

“Is-saħħa qabel il-politika; nobdu lill-awtoritajiet tas-saħħa”

“Mil-lum daħlet fis-seħħ l-ordni biex persuni vulnerabbli jibqgħu d-dar iżda l-Gvern kellu mhux biss iħabbar din il-miżura imma jara wkoll li ikun hemm is-support kollu meħtieġ biex jgħin il-persuni kollha li se jibqgħu ġewwa biex jgħixu ħajja relattivament normali. Il-Gvern kellu tlett ġimgħat jippjana dawn il-miżuri u biex jara kif se jgħin u jserraħ ras in-nies li ħajjithom se tibqa’ għaddejja.”

Hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien ma’ Karol Aquilina u Jason Azzopardi.

Dr Delia qal li kif ħarġet l-ordni qamet mewġa ta’ mistoqsijiet mill-persuni koncernati għax il-Gvern messu ra x’kien hemm bżonn isir biex jagħti l-komfort lill-anzjani u l-persuni vulnerabbli. Huwa qal li bħala Oppożizzjoni qegħdin ngħinu fejn nistgħu lill-Awtoritajiet tas-Saħħa billi nxerrdu l-messaġġ tagħhom, u noffru l-pariri u l-proposti lill-Gvern anke jekk ma jridx li nkunu madwar il-mejda kif qed isir f’pajjiżi oħrajn. Dr Delia qal li l-marda qed tinxtered lokalment iżda kieku l-Gvern aġixxa qabel u għalaq il-fruntieri iżjed kmieni konna nevitaw numru mhux żgħir ta’ każijiet. L-attenzjoni tal-pajjiż issa qed tmur li nżommu baxxa r-rata tat-trasmissjoni lokali filwaqt li nieħdu ħsieb dawk l-iżjed vulnerabbli u nikkuraw lil min għandu l-virus. Huwa qal li hemm ukoll il-kriżi fl-ekonomija globali u f’pajjiżna, kriżi li diġà qed tissarraf f’telf ta’ postijiet tax-xogħol u falliment ta’ kumpaniji.

Adrian Delia qal li l-Gvern ħabbar li ħareġ sejħa għall-offerti biex jinbena pre-fabricated hospital. Huwa qal li ġejna bzonn dan l-isptar għax Vitals u Steward, m’għamlux l-investiment li kellhom jagħmlu fit-tliet sptarijiet li ngħataw, u kieku pajjiżna m’għandux bżonn jibni sptar temporanju. Dan id-deal korrot fisser li mhux biss irmejna €240 miljun għalxejn imma jfisser ukoll li se jkollna nonfqu iktar f’dan iż-żmien ta’ kriżi. Wara li l-Oppożizzjoni staqsiet il-mistoqsijiet, il-Gvern waqqaf il-proċess u l-Ministru għas-Saħħa għandu jagħti iktar informazzjoni fuq min se jinvestiga l-allegazzjonijiet serji li saru, jekk hemmx terminu sakemm trid tispicca din l-investigazzjoni u jekk ir-riżultat hux se jiġi ppubblikat. Adrian Delia qal li l-Gvern għandu jieħu b’serjetà li jixraqilha l-allegazzjoni ta’ trading in influence.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li l-istess nuqqas ta’ ħeġġa tal-Gvern qed narawha ukoll kif qed jirrispondi għall-kriżi ekonomika; fejn qiegħed ikun reattiv u selettiv, jaġixxi tard mingħajr ma jieħu ħsieb lil kulħadd. Dan wassal biex ħareġ tlett pakketti fi ftit ġranet u ħaseb biss għal 60,000 ħaddiem u ma pprovdiex għajnuna għal iktar minn 100,000 ħaddiem. Dan meta kull ġurnata li tgħaddi jfisser li l-post tax-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema jinsab f’riskju, meta hemm ħafna self employed li baqgħu bla għajnuna meta għandhom impjegati magħhom, kirjiet x’jitħallsu u għandhom kontijiet tad-dawl u l-ilma li l-Gvern ma jridx jew ma jistax iraħħas. Dan meta l-Gvern bħalissa jmissu għandu l-pjanijiet kollha lesti u mhux spiċċajna bil-Gvern joħroġ pjan u jibdlu fi ftit ġranet wara. Adrian Delia qal li l-PN se jkompli jagħti sehemu u joħroġ b’iżjed miżuri konkreti f’dawn iż-żminijiet diffiċli bl-imxija tal-COVID-19 f’pajjiżna.

Jason Azzopardi qal li Robert Abela jippreferi jagħti l-kura lill-pazjenti Maltin u Għawdxin fi prefabricated hospital minflok jieħu lura f’idejh it-800 sodda f’San Luqa, Karin Grech u l-isptar ġenerali ta’ Għawdex u jippreferi jagħti €188,000 kuljum lil Vitals u Steward. Meta Robert Abela għadda liġi biex juża liġi tal-1963 li tagħtih id-dritt li jieħu l-kontroll u l-pussess ta’ kull binja privata għall-emerġenza tas-saħħa pubblika, għandu jibda billi jieħu lura t-tliet sptarijiet. Huwa qal li Ram Tumuluri ħa bonus ta’ €5 miljuni għal sena waħda biss liema flus setgħu marru għas-saħħa tal-pazjenti.

Jason Azzopardi qal li t-tender għall-prefabricated hospital kellu biss ħames paġni, l-ebda referenza għal specifications u apparat, jinsisti għal tliet snin esperjenza biss u 48 siegħa żmien biex jintefgħu l-offerti u l-garanziji bankarji. Huwa qal li Robert Abela għandu jispjega jekk kinitx kumbinazzjoni kif filwaqt li ta lil kulħadd 48 siegħa biss biex jintefgħu l-offerti, Charles Magro ta’ TEC Ltd ġimagħtejn ilu kien diġà qed jitlob kwotazzjonijiet minn ditta Ġermaniża għal prefabricated hospital f’Malta. Jason Azzopardi qal li sal-lum ħadd ma kkontradixxa din l-istqarrija li hu għamel.

Karol Aquilina qal li llum sfortunatament qegħdin naraw sitwazzjoni fejn il-Gvern qed ifittex li jixtri prefabricated hospital temporanju, li jkun lest fi żmien tmien ġimgħat u dan minħabba d-deċiżjonijiet ħżiena li ttieħdu mill-Gvern stess fis-settur tas-saħħa. Dan meta Joseph Muscat u Konrad Mizzi taw tliet sptarijiet lil Vitals u Steward, f’eżempju ċar ta’ governanza ħażina li minnha qed ibatu l-Maltin u l-Għawdxin, meta Vitals u Steward ma għamlux l-investiment jew t-titjib li kellhom jagħmlu f’dawn l-isptarijiet. Kieku dan l-investiment sar kieku hawn iżjed sodod disponibbli għall-pazjenti.

Karol Aquilina qal li Chris Fearne kkonferma li fl-istat li tħalla fih l-isptar San Luqa ma jistax jilqa’ pazjenti fih, u minflok igawdu mill-isptarijiet in-nies qed ikollhom iħallsu iżjed minn buthom għal Vitals u Steward li mhux qegħdin iwettqu l-obbligi tagħhom. Il-Gvern jaf li hemm San Luqa wieqaf, li ma jistax jużah u ma jridx jużah f’din l-emerġenza pubblika u quddiem id-deċiżjonijiet ħżiena li ttieħdu se jkollna ninvestu iżjed flus fi prefabricated hospital flok nużaw sptarijiet li kienu tal-poplu. Huwa qal li lanqas mhu magħruf x’għajnuna se jagħtuna Steward biex negħlbu din l-isfida u dan kollu qed ipoġġi iżjed pressjoni fuq il-ħaddiema u l-professjonisti fis-settur tas-saħħa.

Din il-konferenza tal-aħbarijiet flimien mal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar ir-Riformi fis-Servizz Pubbliku, ċ-Ċittadinanza u s-Simplifikazzjoni tal-Proċessi Karol Aquilina u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u l-Green Initiatives Jason Azzopardi.

Ritratti: Martin Agius