Lokali

Konferma tal-iżbilanċ fl-aħbarijiet ta’ TVM

Il-Partit Nazzjonalista ressaq ilment lill-PBS u lill-Awtorità tax-Xandir għall-intervista li saret ilbieraħ lill-Prim Ministru Robert Abela waqt l-aħbarijiet tat-tmienja ta’ filgħaxija ta’ TVM. L-istess stazzjon TVM fir-risposta li ta lill-PN qed jikkonferma kif partijiet mill-intervista lill-Prim Ministru “marru lil hinn minn dak li kien mistenni”, u għaldaqstant laqa’ t-talba li saret mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Francis Zammit Dimech li immedjatament jingħata rimedju għal dan l-iżbilanċ. Għaldaqstant, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia se jkun qed jiġi intervistat waqt l-aħbarijiet tat-tmienja tal-lejla fuq TVM.

Dan mhux l-ewwel każ fejn kien hemm żbilanċ fi programmi ta’ TVM u l-Partit Nazzjonalista bagħat ilmenti wkoll dwar tlett programmi ta’ Xarabank fejn mistedna kien hemm biss rappreżentanti tal-Gvern u l-ebda rappreżentant tal-Oppożizzjoni li jistgħu iwassalu l-pożizzjoni u l-kritika dwar deċiżjonijiet u nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern fl-imxija tal-COVID-19 f’pajjiżna. Dan meta skont il-Kostituzzjoni u l-Att dwar ix-Xandir, l-istazzjon nazzjonali huwa obbligat li jiżgura l-imparzjalità dwar kontroversja politika kurrenti u li l-ħin tax-xandir ikun maqsum xieraq bejn persuni tal-partiti politiċi differenti.

Il-Partit Nazzjonalista jqis li l-iżbilanċ fil-xandir nazzjonali mhu xejn għajr konferma kif it-TVM spiċċa għodda politika partiġġjana f’idejn il-Gvern ta’ Robert Abela.