Coronavirus Lokali

L-Awtorità tal-Ippjanar testendi l-permessi ta’ żvilupp

Il-PA tappella għall-kalma fil-kostruzzjoni frott iċ-ċirkostanzi

Dan wara li l-Awtorità tal-Ippjanar ħabbret li ser tkun qed testendi bi 3 snin oħra kull permess ta’ żvilupp li sal-lum il-ġurnata l-validità tagħhom ser jiskadi sa qabel il-31 ta’ Diċembru tal-2022.

Fi stqarrija l-PA spjegat li fiċ-ċirkostanzi estremi li l-pajjiż jinsab fih, l-Awtorità ser tkun qed tieħu dan il-pass proattiv sabiex tevita li jsir xogħol ta’ kostruzzjoni f’qasir żmien u żbilanċjat wara li l-Gżejjer Maltin jerġgħu finalment lura għan-normalità.

Din il-miżura tapplika biss għal dawk il-persuni li diġà għandhom il-permess f’idejhom bil-għan li t-toqol fuq il-komunità f’dan il-perjodu tant delikat jonqos – fejn bosta jinsabu maqfulin fi djarhom b’xogħolijiet ta’ kostruzzjoni għaddejjin biswithom.

Din l-estensjoni tinkludi wkoll xogħolijiet żgħar fid-dar kif ukoll proġetti kummerċjali.

Intant, frott iċ-ċirkostanzi straordinarji li Malta qed tħabbat wiċċha magħha, l-Awtorità tal-Ippjanar ħabbret li l-laqgħat pubbliċi ser ikunu qed isiru permezz ta’ video conferencing ankè sabiex jinżamm is-soċial distancing.

Kull membru tal-pubbliku li jixtieq jipparteċipa f’dawn il-laqgħat għandu javża lill-PA tal-inqas ġurnata qabel.