Coronavirus Lokali Saħħa

L-ebda kjarifika dwar it-tibdil fil-miżuri għall-anzjani u l-vulnerabbli

Tnax-il siegħa wara li l-Prim Ministru Robert Abela għamel U-turn dwar il-miżuri li kien ħabbar lejliet id-Deputat Prim Ministru, Chris Fearne baqa’ ma ċċarax is-sitwazzjoni.

Dan meta d-Deputat Prim Ministri u Ministru tas-Saħħa sejjaħ konferenza tal-aħbarijet fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Fl-isfond tal-konfuzjoni li nqala wara d-diskors tal-Prim Ministri l-Ġimgħa filgħaxija, NET News staqsa speċifikament lill-Ministru tas-Saħħa biex jiċċara ezatt jekk l-Avviż Legali li se jippubblika l-Gvern hux se jkun ibbażat fuq dak li ħabbar hu l-Ħamis filgħaxija jew fuq dak li qal il-Prim Ministru l-Ġimgħa, iżda Fearne għall-ewwel qal li l-Avviżi Legali marbuta ma’ din is-sitwazzjoni qed jiġu ffirmati minnu, mill-Prim Ministru u mis-Supretendent għas-Saħħa Charmaine Gauci.

Erġajna staqsejnih jiċċara x’inhuma r-restrizzjonijiet li se japplikaw fuq l-anzjani, il-vulnerabbli u dawk li jgħixu fl-istess dar magħhom. Iżda għal darb’oħra, hu naqas milli jtina l-informazzjoni li tlabnih u qalilna biss li l-Avviż Legali kien se jkun ippubblikat dalwaqt. Madankollu sa issa din il-legal notice għada mhix ippubblikata.

Sadanittant, fil-konferenza tal-aħbarijiett tħabbar li kienu se jiżdiedu s-sodod għall-pazjenti morda bil-Covid-19 fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. S’issa, pazjenti Għawdxin bil-virus u li kellhom bżonn ikunu rikoverati fi Sptar kienu qed jittieħdu Malta.

Dan hekk kif qed jopera wkoll ‘test centre’ ġdid f’Għawdex għal persuni li jiġu riferuti għat-test tal-Coronavirus.

Ikkummenta