Coronavirus Edukazzjoni Lokali

L-iskejjel magħluqa sal-aħħar tas-sena akkademika

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Owen Bonnici ħabbar li l-iskejjel fil-Gżejjer Maltin ser jibqgħu magħluqin sal-bidu tal-vaganzi tas-Sajf. Dan ifisser li l-iskejjel mhux ser jiftħu sas-sena akkademika l-ġdida.

Il-Ministru spjega li dawk li jinsabu fir-raba, ħames jew sitt sena ser javvanzaw għas-sena li jmiss b’mod awtomatiku. Dawk l-istudenti li jinsabu fis-sitt sena ser tittieħed marka tal-assesment li ssir tul is-sena sabiex sussegwentament l-eżami tal-benchmark għal din is-sena mhux ser isir sabiex dawn jitilgħu fis-sekondarja.

Dan filwaqt li dawk li jinsabu fil-Form 1, Form 2, Form 3 u Form 4 ser javvanzaw ukoll għas-sena li jmiss bl-istess mod.

Ġie mħabbar ukoll li l-o-levels tas-sessjoni li jmiss mhux ser isiru iżda ser jittieħdu f’konsiderazzjoni l-mock exams fl-iskejjel sekondarji. Il-Bord tal-Matsec ser jieħu f’konsiderazzjoni l-iskemi tal-marki, u l-karti tal-eżamijiet. Abbażi ta’ dan kollu l-Matsec joħroġ b’ċertifikat ekwivalenti għal-livell 3, ekwivalenti għal marka bejn 1-5, u livell 2 b’marka ekwivalenti ta’ 6-7. Jekk student/a tkun tixtieq ittejjeb il-marki ser ikun hemm l-opportunità tas-sessjoni tar-resit f’Settembru.

Dan filwaqt li mħux se jsiru l-A-levels ta’ din is-sessjoni – posposta għal Settembru ta’ din is-sena – bis-sessjoni tar-resits ser issir f’Diċembru.

Dan ifisser li l-Università u skejjel terzjarji oħra ser ikunu qed jiftħu l-bibien tagħhom kemmxejn aktar tard mis-soltu. Dan filwaqt li kull student li jixtieq ikompli l-edukazzjoni terzjarja ser ikun qed jitqies bħala probationary student – dan ifisser li minkejja li ma jkunx għadu għamel ir-resits tal-A-Levels, xorta waħda ser jitħallew jidħlu fost oħrajn fl-Università u l-MCAST.

Madanakollu r-Rettur tal-Università Prof. Alfred Vella spjega li l-eżamijiet ser isiru xorta waħda kif miftiehem f’Ġunju u Lulju – iżda ser jintużaw mezzi differenti, fost oħrajn li student inewwel ix-xogħol fuq VLE, permezz ta’ sistemi onlajn.

Huwa insista wkoll li l-unika differenza li ser ikun hemm fl-eżamijiet u għad trid tinstab soluzzjoni kompleta għaliha hija għal dawk li jagħmlu teaching practice u medical placements għat-tielet u raba sena.

Ir-Rettur spjega wkoll li dawk l-istudenti li jattendu għall-ewwel sena Junior College, ser ikunu qed jiġu assessjati permezz ta’ numru ta’ assignments li ser ikunu qed jiġu sottomessi onlajn.

Dan filwaqt li l-Prinċipal tal-MCAST James Calleja sostna li l-istudenti ser ikunu qed jiġu assessjati fost oħrajn permezz ta’ pjattaformi onlajn.

Il-Ministru Owen Bonnici kif akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti Frank Fabri kif ukoll b’numru ta’ rappreżentanti fil-qasam tal-Edukazzjoni ta’ pajjiżna – iżda mhux kollha. Dan hekk kif fi kliem il-Ministru Bonnici għażlu numru ta’ persuni biex ikunu preżenti għall-konferenza.

Huwa finalment appella lill-ġenituri u lit-tfal sabiex jibqgħu jsegwu l-istudji u x-xogħol li preparawlhom l-edukaturi onlajn iżda skontu issa ser ikunu qed jistudjaw b’inqas pressjoni.

Wara li ħabbar dan kollu huwa sostna li dawn il-miżuri xorta waħda jafu jinbidlu minn ġurnata għall-oħra u spjega li din is-sistema mhux perfetta.

Aktar informazzjoni fuq il-helpline: 25981000