Coronavirus Futbol Sport

Ma rridx nispekula li bilfors se nkomplu imma dik hi d-direzzjoni tal-UEFA – Bjorn Vassallo, President tal-MFA

Stewart Said

Il-President tal-MFA Bjorn Vassallo qal li ma jridx jispekula li bilfors se jitkomplew il-kampjonati iżda saħaq li dik hi d-direzzjoni mill-UEFA. Qal dan waqt videoconference mal-ġurnalisti lbieraħ fejn spjega s-sitwazzjoni preżenti. Bħalissa, il-logħob kollu tal-futbol lokali jinsab wieqaf, u l-ħsieb hu li l-Kampjonat Premier jitkompla f’Mejju u jispiċċa f’Ġunju, għalkemm f’dan il-mument kollox jinsab f’dubju.

Hu qal li l-MFA mhix f’pożizzjoni li tikkumenta dwar il-kampjonat minħabba li l-UEFA flimkien mal-European Clubs Association u l-FIFPro li tirrappreżenta lill-plejers, laħqu ftehim bejniethom dwar il-kontinwazzjoni tal-kampjonati fl-Ewropa b’reżoluzzjoni. Għalhekk Vassallo se jkun qed jara kif tiżvolġi s-sitwazzjoni u l-MFA tidħol jekk tittieħed deċiżjoni li kull assoċjazzjoni tiddeċiedi għaliha. “Ma għandniex l-awtorità u l-MFA mhux se tiddeċiedi.” Hu kompla li jekk id-deċiżjoni tkun f’idejn l-MFA, l-aħħar deċiżjoni tkun tal-Kunsill tal-MFA.

L-impatt tal-coronavirus

L-MFA flimkien mal-familja tal-futbol ukoll intlaqtu mill-coronavirus hekk kif fosthom intilef dħul mit-Turiżmu Sportiv, dħul mill-faċilitajiet tal-MFA bħal pixxina u l-klinika, il-faċilitajiet tal-klabbs, salarji eċċ. Huma ntlaqtu wkoll minn obbligi u kuntratti mill-partiti internazzjonali, b’referenza għaż-żewġ impenji kontra Ġibiltà u l-Ażerbajġan li kellhom jintlagħbu f’dawn il-jiem. Hu kkonferma li sa issa l-konfront tad-9 ta’ Ġunju li ġej kontra ċ-champions Ewropej il-Portugall għadu se jintlagħab.

Bħala miżuri, il-Malta Football Association issospendiet il-proċess ta’ Liċenzjar tal-klabbs, il-kriterji tas-CPD għall-kowċis u r-residenza temporanja tal-Unjoni Ewropea. Huma qed jaċċettaw ukoll terminazzjoni ta’ kuntratti ta’ plejers, wara qbil bejn iż-żewġ partijiet.

Mill-miżuri mħabbra mill-Gvern, Vassallo qal li bħala assoċjazzjoni, ibbenefikaw biss mill-posponiment tat-taxxi u l-kontribuzzjonijiet soċjali filwaqt li sa issa għad ma kellhomx għajnuna għall-impjegati tagħhom. Hu qal li minħabba l-fatt li hemm aktar minn 1,000 kuntratt attiv bħalissa, iħoss li għandhom jiġu kkunsidrati. Dan hu differenti mil-Lussemburgu hekk kif il-Gvern tagħhom, se jħallas 80% mill-kuntratti professjonali tal-atleti tagħhom.

Vassallo ta anki rendikont tan-numru ta’ kuntratti attivi fi ħdan il-familja tal-futbol. B’kollox hemm 286 kuntratt għall-plejers full-time, 235 kuntratt għal dawk part-time, 297 kuntratti tal-kowċis u 27 kuntratt tal-istaff. Dan minbarra madwar 200 kuntratt tal-impjegati tal-MFA, li flimkien jaqbżu l-l,000 kuntratt.

It-tim Malti fis-Serie C

Is-sitwazzjoni tal-coronavirus madwar id-dinja qed tħalli effett enormi fuq l-Italja. B’hekk dan joħloq dubji serji dwar il-possibbiltà biex jinħoloq it-tim Malti li mill-istaġun li ġej jikkompeti fis-Serie C.

Vassallo hu tal-opinjoni li għalissa kollox għandu jkun iffriżat biex meta din il-problemi tgħaddi, ikomplu minn fejn ħallew. Hu sostna li kif inhi s-sitwazzjoni, Malta għandha iktar ċans li tipparteċipa minħabba l-problemi finanzjarji li għandhom il-klabbs Taljani bħalissa. Il-President tal-MFA ma ta l-ebda garanzija li t-tim Malti jibda mill-istaġun li ġej iżda qal li l-qafas qiegħed hemm u għalhekk jinsabu f’pożizzjoni li jtellqu l-proġett.