Coronavirus Futbol Sport

Mistennija jittieħdu deċiżjonijiet diffiċli minħabba l-impatt finanzjarju negattiv fuq il-futbol Ingliż

(Ritratt: EPA)

Il-Premier League, l-EFL u l-Assoċjazzjoni tal-Plejers Professjonali fl-Ingilterra qalu li se jittieħdu deċiżjonijiet diffiċli biex ipattu għall-impatt finanzjarju li l-futbol Ingliż qiegħed isofri minħabba l-coronavirus.

Meta l-logħbiet jinsabu posposti sat-30 ta’ April u l-futbol Ingliż mistenni jkompli biss meta s-sitwazzjoni tkun waħda sigurà l-assoċjazzjonijiet involuti qalu li ddeċidew li jaħdmu flimkien biex jaslu għal kompromess dwar soluzjoni. Fil-ġimgħat li ġejjin mistennija jsiru iktar laqgħat biex jiġi miftiehem pjan biex isib soluzzjoni rigward l-isfidi li qed jaffaċċja l-futbol fl-Ingilterra.

Il-klabbs tal-Premier League mistennija jiltaqgħu fit-3 ta’ April biex jieħdu deċiżjoni dwar jekk il-logħob ikunx pospost iktar mit-30 ta’ April. Numru ta’ plejers f’kampjonati madwar l-Ewropa diġa ħadu d-deċiżjoni li jnaqqsu l-paga tagħhom biex jgħinu lill-klabbs rispettivi tagħhom li jinsabu għadejjin minn mumenti diffiċli minħabba l-coronavirus.