Coronavirus Lokali Saħħa

AĠĠORNATA: 2 każi ġodda ta’ COVID-19 reġistrati f’pajjiżna… it-total jitla’ għal 151

Erba' persuni qed jinżammu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva... wieħed f'qagħda kritika

Hekk kif pajjiżna daħal fir-raba’ ġimgħa ta’ din il-kriżi tal-COVD-19, it-total ta’ każi pożittivi issa tela’ għal 151.

Fl-aħħar 24 siegħa saru 585 swabs, iżda kien hemm biss 2 każi ġodda li ttestjaw fil-pożittiv.

Is-Supritendent tas-Saħħa Pubblika, qalet li għalkemm il-każi pożittivi kienu relattivament baxxi, dan għadu biss il-bidu tal-curve ta’ pajjiżna.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Professur Charmaine Gauci qalet li l-anzjan ta’ 72 sena li jinsab rikoverat fit-Taqsima tal-Kura Intensiva ġewwa l-Isptar Mater Dei, sfortunatament għadu f’qagħda kritika.

Kien hemm żewġ każi oħra li s-Sibt filgħaxija kellhom jiddaħħlu l-ITU. Dan sabiex isirilhom monitoraġġ iktar regolari. L-anzjan ta’ 61 sena li kien qed jinżamm fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, ħareġ mill-ITU iżda xorta għadu qed jinżamm fl-Isptar Mater Dei.

Iż-żewġ każi pożittivi li kellna f’dawn l-aħħar 24 siegħa huma ta’ mara li għandha 53 sena u bdiet bis-sintomi fl-24 ta’ Marzu. Hi ma sifritx imma persuna mill-familja tagħha ġie lura mill-Ingilterra. Għalhekk dan huwa każ relatat ma’ safar.

It-tieni każ huwa ta’ raġel Malti ta’ 39 sena li fil-15 ta’ Marzu kellu s-sintomi. Huwa ma sifirx imma kien hemm persuna oħra fuq il-post tax-xogħol fejn jaħdem li kienet sifret u meta ġiet lura bdiet tħoss xi sintomi.

Il-Professur Charmaine Gauci reġgħet appellat biex il-pubbliku jibqa’ d-dar ħalli t-tixrid tal-coronavirus jitnaqqas kemm jista’ jkun.

F’appell ieħor, is-Supritendent tas-Saħħa Pubblika qalet li huwa importanti ferm li dawk il-persuni li huma ma jifilħux u li ġew ittestjati iżda ħarġu negattivi għall-Covid-19, xorta jibqgħu ġewwa u ma joħorġux sakemm iħossuhom aħjar.

Wara li għaddew iktar minn tliet ġimgħat minn mindu feġġ l-ewwel każ ta’ COVID-19 f’pajjiżna, il-persuni li fiequ jammontaw biss għal 2.