Futbol Sport

33 sena ilu Malta kisbet draw prestiġjuż kontra l-Portugall f’Madeira

PORTUGALL …….. 2

MALTA ……………… 2

Portugall: A. Jesus Pereira, Veloso, Alvaro, Dito, Eduardo Luis, A. Nascimento (Skoda 81’), Frasco (R. Barros 45’), Adao, Jaime, M. Fernandes, J. Placido

Malta: D. Cluett, A. Azzopardi, E. Camilleri, J. Buttigieg, M. Scicluna, K. Laferla, C. Scerri, M. Degiorgio (M. Gregory 73’), R. Vella, D. Mizzi, C. Busuttil (M. Schembri 88’)

Skorjaw: J. Placido 12’, 78’ (P), D. Mizzi 23’ pen, C. Busuttil 65’ (M)

Referee: Kinsella (Irlanda)

Id-data tad-29 ta’ Marzu tal-1987 tibqa’ data storika fl-istorja tat-tim nazzjonali Malti. Dakinhar f’Madeira, it-tim Malti taħt it-tmexxija ta’ Guencho Dobrev spiċċa fi draw ta’ 2-2 kontra l-Portugall, f’logħba li għal ftit minuti t-tim Malti kien ukoll fil-vantaġġ. Dakinhar, il-kowċ Dobrev kien mingħajr il-captain John Holland filwaqt li ta d-debutt fil-lasta lill-mibki David Cluett. Din il-logħba kienet parti mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew tal-1988, iżda dan ir-riżultat fisser li l-ewwel punt barra minn pajjiżna f’logħba uffiċjali internazzjonali.

Il-Portugiżi fetħu l-iskor wara 12-il minuta meta minn free-kick mil-lemin, il-kross mil-lemin wasal għand JORGE PLACIDO li b’daqqa ta’ ras żbilanċja lil Cluett. It-tim Malti ġab id-draw fit-23 minuta meta Kris Laferla deher jitwaqqa’ fil-kaxxa wara free-kick mil-lemin. Mill-11-il metru nkariga ruħu l-plejer ta’ Żurrieq DENNIS MIZZI li skorja b’konklużjoni fil-baxx.

Malta marret fil-vantaġġ fil-65 minuta f’azzjoni veloċi meta minn ballun fit-tul, Mizzi għadda lejn il-plejer ta’ Rabat CARMEL BUSUTTIL li kkontrolla b’sidru u b’konklużjoni fil-baxx għeleb lil Jesus minn angolu ristrett biex sikket l-10,000 partitarju Portugiż preżenti.

Il-Portugall ġabet id-draw fit-78 minuta. JORGE PLACIDO ta korner qasir u ħabbat il-ballun ma’ Jaime biex ħasad lil Cluett b’xutt b’saħħtu fuq l-ewwel lasta. Dan il-gowl għenhom biex jagħmlu assedju fuq id-difiża Maltija fl-aħħar minuti. Il-gowlkiper ta’ Floriana kien providenzjali fl-aħħar minuti meta salva konklużjonijiet ta’ Jaime u Alvaro.