Formula 1 Sport

Binotto jgħid li l-istaġun tal-Formula 1 jista’ jintemm f’Jannar tas-sena d-dieħla

(Ritratt: EPA)

Il-Prinċipal tat-Tim ta’ Ferrari Mattia Binotto qal li t-timijiet tal-Formula 1 huma miftuħa biex jestendu l-istaġun ta’ din is-sena sa Jannar tas-sena d-dieħla biex il-kampjonat ikun aktar komplut. Il-pandemija tal-coronavirus ħarbet l-isport kollu u l-Formula 1 mhux eċċezzjoni. L-ewwel tmien tlielaq ġew posposti jew ikkanċellati u sa issa l-ewwel Grand Prix tal-istaġun hu l-Grand Prix tal-Kanada fl-14 ta’ Ġunju.

Dan l-istaġun kellu jkun rekord għal dan l-isport b’total ta’ 22 tellieqa. Minħabba din il-kriżi, il-Formula 1 qed tittama li xorta torganizza bejn 15 u 18-il tellieqa. Il-waqfa tradizzjonali tas-sajf f’Awwissu tneħħiet biex tiftaħ aktar possibbiltajiet għal tlielaq.

Il-Prinċipal tat-Tim qal li t-timijiet kienu fi djagolu kostanti. “Dawn huma mumenti kruċjali. Iddeċidejna li nagħtu aktar libertà lill-FIA biex toħloq skeda biex nirritornaw mill-aktar fis possibbli, aħna ninsabu għad-dispożizzjoni. Qed nevalwaw diversi ideat, tlielaq aktar viċin u probabbli żewġ jew tlett tlielaq f’Jannar,” qal Binotto. It-Taljan qal li bit-tlielaq f’Jannar jiggarantixxu aktar kampjonat komplut u minħabba li l-kampjonat tas-sena d-dieħla ma jibdiex qabel Marzu, dan ix-xenarju jidher tajjeb.

Il-Formula 1 għandha bżonn tal-anqas tmien Grand Prix biex il-kampjonat ikun validu. L-istaġun ta’ din is-sena bħalissa jintemm f’Abu Dhabi fid-29 ta’ Novembru. Minħabba li l-fabbriki ta’ Ferrari jinsabu magħluqa, Binotto qed jaħdem mid-dar minn kemm ilu li rritorna mill-Awstralja. Hu qal li qed ikellem lis-sewwieqa Sebastian Vettel u Charles Leclerc kważi kuljum.