Internazzjonali

Coronavirus: Tielet ġimgħa ta’ lockdown kważi totali fi Spanja…Qabża rekord ta’ imwiet għal ġurnata waħda

Spanja għaddejja mit-tielet ġimgħa ta’ lockdown kważi totali minħabba l-firxa tal-coronavirus u wara li l-Gvern iltaqa’, f’Madrid, biex japprova t-tisħiħ tal-miżuri għal kontra l-pandemija.

Dan wara li ċ-ċifra tal-imwiet mill-coronavirus, is-Sibt, żdiedet b’rekord ta’ 838 – għal 6,528 – f’perjodu ta’ 24 siegħa.

Spanja hi t-tieni l-aktar pajjiż Ewropew, wara l-Italja, li rreġistra vittmi mill-coronavirus. L-infezzjonijiet fil-pajjiż żdiedu minn 72,248 għal 78,797 – bl-aħħar aġġornamenti ma jilħqux jidħlu sakemm morna għall-istampa.

Il-Prim Ministru Spanjol, Pedro Sanchez, issa ħabbar li l-ħaddiema kollha li mhumiex essenzjali jridu jibqgħu d-dar għal ġimgħatejn, bħala miżura drastika oħra għat-trażżin tal-infezzjonijiet.

Hu spjega li l-ħaddiema se jingħataw is-soltu salarji, iżda huma jkunu jridu ‘ipattu għas-sigħat tax-xogħol mitlufa’ f’data li għad trid titħabbar. Il-miżura inkwistjoni għandha ddum mil-lum sad-9 ta’ April.

Il-unions Spanjoli laqgħu din il-miżura b’sodisfazzjon, iżda l-entitajiet tan-negozju CEOE u s-CEPYME qalu li filwaqt li se jikkooperaw mad-direttiva, ‘din għandha tiġġenera impatt qawwi u bla preċedent għall-ekonomija Spanjola, b’mod partikulari f’numru ta’ setturi li jinkludu l-industrija’.

Stqarrija ta’ twissija elenkat li ‘is-slowdown’ jista’ iwassal għal kriżi akbar fl-ekonomija li tħalli r-riperkussjonijiet soċjali.

Sadanittant, komplew id-dehriet surreali fil-belt kapitali ta’ Madrid, fejn il-kant tal-għasafar ‘issupera’ l-ħsejjes tal-ftit karozzi li għaddew mit-toroq prattikament abbandunati.

Dan waqt li l-pulizija (megħjuna mir-reinforzi) fuq ir-ronda waqqfu lis-sewwieqa ta’ karozzi privati u tax-xarabanks biex jaċċertaw li huma u l-passiġġieri kellhom raġuni valida biex joħorġu.

L-iskejjel, il-ħwienet tax-xorb u l-ħwienet li qed ibiegħu l-oġġetti mhumiex essenzjali, fi Spanja, ilhom magħluqin mill-14 ta’ Marzu – bil-maġġoranza tal-poplu jinsabu ġewwa darhom, waqt li l-pajjiż qed jagħmel li jista’ biex jegħleb il-coronavirus.