Coronavirus Ekonomija Kummerċ Lokali Turiżmu

Diffikultajiet kbar għan-negozji fil-catering

...u hemm min jista' jfalli

Negozjanti li għandhom in-negozju tagħhom fl-industrija tal-catering bħalissa għaddejjin minn żminijiet diffiċli ħafna u hemm min minnhom jista’ jfalli minkejja l-ħafna sagrifiċċji li għamlu tul is-snin.

Hermann Schiavone, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Industrija tas-Servizzi tal-Ikel, Xorb u Divertiment, qal li din l-industrija ilha għaddejja minn żmien kwiet għal diversi xhur għaliex il-kalendarju tal-industrija tal-catering ilu wieqaf għal dawn l-aħħar erba’ xhur.

Iċ-ċiklu normali tal-industrija tal-catering hu bejn Marzu u Ottubru meta normalment hemmhekk ikun b’saħħtu. Sadattant bejn Novembru u Frar normalment  il-cash flow tkun fl-agħar livelli tagħha.

Tajjeb li wieħed jispjega li fl-industrija tal-catering jidħlu dawk in-negozji kollha tal-ikel… minn ħanut tal-pastizzi u t-tè sa gabbani, kjosks u l-aqwa ristoranti.

Din l-industrija kienet se tibda tirkupra f’Marzu u tkun fl-aqwa tagħha fiż-żmien tal-Għid. Iżda mbagħad faqqgħet il-kriżi tal-COVID-19 li ħadd ma kien jistenna.

Meta l-Gvern ħabbar li kien se jagħlaq l-istabbilimenti, dawn l-operaturi rmew ħafna ikel li kien għadhom anqas biss ħallsu għalih għaliex normalment jingħataw bejn 30 u 60 ġurnata kreditu biex iħallsu.

L-ewwel uġigħ ta’ ras li għandhom dawn l-operaturi hu kif se jħallsu dawn il-prodotti; u t-tieni kif se jħallsu lill-ħaddiema tagħhom.

Jidher li għadu mhux ċar kif l-operaturi se jkunu qed jaċċessaw l-għajnuna mħabbra mill-Gvern aktar kmieni din il-ġimgħa.

Ħafna ħaddiema f’dan is-settur jaqilgħu ħafna aktar minn €800 fix-xahar. Imma l-operatri, li ħafna minnhom huma żgħar u mmexxija minn familja, minkejja li jixtiequ jħallsu lill-impjegati tagħhom, għandhom problema biex ikampaw huma stess għaliex finalment huma wkoll ħaddiema li jaqilgħuha u jiekluha huma stess.

Minkejja li issa ilhom aktar minn għaxart ijiem magħluqa, dawn l-operaturi għadhom bil-fridges u l-freezers mixgħula minħabba li ċerti prodotti, fosthom inbejjed li jiswew il-flus, iridu joqogħdu f’dawn il-fridges jew freezers.

Uġigħ ta’ ras oħra kbira hi għal dawk l-istabbilimenti li għandhom il-kirjiet xi jħallsu. Is-soltu kontribuzzjoni tal-Awtorità Maltija tat-Turżmu (MTA) normalment toħroġ f’April.

Il-proposti tal-Oppożizzjoni huma ntiżi biex b’mod immedjat il-Gvern iraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma b’50%, u jwaqqaf, għal din is-sena l-ħruġ tal-kontijiet tal-kontribuzzjoni tal-MTA.

Il-Gvern għandu wkoll jagħti moratorju ta’ sitt xhur minn wara li dawn in-negozji jerġgħu jiftħu fir-rigward tad-djun li dawn  ikollhom mal-banek.