Coronavirus Lokali

“Din gwerra li rridu u se nirbħuha flimkien” – Adrian Delia

“Irridu nagħmlu sforz kollettiv fejn kull wieħed u waħda minnha jagħmel dak li jista’ biex jonqos it-tixrid tal-COVID-19 biex jonqsu l-każijiet u s-sistema tas-saħħa tagħna tkun tista’ timmanġġja s-sitwazzjoni aħjar.” Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’messaġġ lin-nazzjon.

Adrian Delia qal li din hija ġlieda li se nirbħuha jekk kulħadd jagħmel il-parti tiegħu u jekk nagħmlu hekk l-Awtoritajiet tas-Saħħa jkunu f’qagħda aħjar sabiex jieħdu ħsieb il-pazjenti u l-vulnerabbli. Huwa qal li wara l-miżuri li tħabbru l-Ħamis, huwa importanti li kulħadd jisma’ mid-direttivi li jingħataw mill-Awtorità tas-Saħħa, u jekk naraw li hemm il-bżonn ta’ miżuri iżjed diffiċli biex niżguraw is-saħħa tan-nies għandna naraw li nieħduhom. Dan meta pajjiżi oħrajn ħadu deċiżjonijiet li kienu iżjed riġidi u iebsin biex iħarsu l-persuni vulnerabbli.

“Ejja nobdu dak li qed jgħidu l-awtoritajiet tas-saħħa għax din mhux kwistjoni politika partiġġjana iżda l-ewwel irridu nħarsu ħajjet u saħħet in-nies” – Adrian Delia

Il-Kap tal-PN qal li ma nistgħux inkunu popolisti u nbiddlu d-deċiżjonijiet tal-Awtoritajiet tas-Saħħa. Dan meta d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal ċar li kienu se jiddaħħlu miżuri ġodda għall-persuni vulnerabbli, u li dawn issa se jkunu f’lockdown iżda l-Prim Ministru Robert Abela l-għada fuq ix-xandir nazzjonali qal li le, in-nies vulnerabbli mhux se jkunu f’lockdown. Huwa qal li m’għandniex nibżgħu ngħidu li lockdown jew noqgħodu nbeżżgħu li xi house arrest għaliex dawn huma żminijiet kritiċi fl-imxija tal-COVID-19 f’pajjiżna.

Adrian Delia appella għal setturi differenti tas-soċjetà tagħna, lit-tfal u studenti biex jagħmlu użu minn dan iż-żmien sabiex jibqgħu jitgħallmu għaliex mhuwiex żmien ta’ vaganza; l-ħaddiema, partikolarment il-100,000 li ġew minsija mill-Gvern, fi żmien meta ħadd m’għandu jitlef il-post tax-xogħol, l-Oppożizzjoni se tibqa’ titkellem għall-ħaddiema kollha; to all those foreigners who have made Malta their home and have throughout the years contributed to our economy: they must pay attention to what our Health Authorities are saying and heed their advice. They must not gather in groups larger than 5; l-anzjani biex jagħmlu l-kuraġġ u fejn hu possibbli nagħtuhom il-wens, fi żmien fejn is-solitudni tinħass irridu nikkomunikaw iżjed magħhom bl-użu wkoll tal-mezzi elettroniċi.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni se tibqa’ toffri s-soluzzjonijiet u l-proposti konkreti fl-aħjar interess tal-pajjiż u se nibqgħu naħdmu kull ħin u kull mument. Dan minkejja li l-Gvern għadu sal-lum qed iwebbes rasu u ma jaċċettax li l-Oppożizzjoni tkun parti mill-isforz nazzjonali.

Adrian Delia qal li dawn huma żminijiet diffiċli u ta’ sagrifiċċju iżda ħadd m’għandu jaqta’ qalbu, bħala pajjiż se noħorġu iżjed magħqudin u iżjed b’saħħitna fejn se nibnu soċjetà aħjar.