Coronavirus Lokali

“Il-fatt li qegħdin f’post familjari jtaffi xi ftit mill-isfida li għaddejjin minnha” – AKM

L-imxija tal-COVID-19 ġabitna naddattaw għar-realtà li ħadd ma kien qed jistenna. Sabitna mwaħħlin mat-televiżjoni nistennew iktar żviluppi filwaqt li għal ħafna minna sabitna nitħatbu ma’ mewġ ta’ inċertezza u biża’.  Kif qal il-Papa Franġisku, il-Ġimgħa filgħaxija waqt il-mument straordinarju ta’ talb mill-Vatikan: “Ilna ġimgħat issa nistħajlu li sar filgħaxija.… Erġajna sibna ruħna mbeżżgħa u mifxula.”

Iżda qalb din it-tempesta qed naraw ukoll ħafna pożittiv, fosthom ix-xogħol bla waqfien tat-tobba, infermiera, dawk kollha li jaħdmu fl-isptar u jduru bil-morda. Urietna wkoll, iktar minn qatt qabel is-solidarjetà, l-għajnuna u l-apprezzament lejn dawk li qegħdin minn ta’ quddiem biex jiġġieldu din it-tempesta.

L-Azzjoni Kattolika Maltija (AKM) minn dejjem kellha dawn il-valuri għal qalbha u minn dejjem rat kif tkun ta’ servizz fl-aktar mumenti diffiċli. Kien għalhekk li f’din is-sitwazzjoni ma setgħetx ma tagħmel xejn.  Minħabba s-sitwazzjoni diffiċli li sabu ruħhom fiha diversi persuni fil-qasam tas-saħħa, l-AKM iddeċidiet li tilqa’ ġewwa ż-ŻAK House f’Birkirkara; post attrezzat għall-gruppi ta’ żgħażagħ biex jorganizzaw live-ins u skambji, sitt ħaddiema tal-isptar, mingħajr ħlas, sabiex ikunu jistgħu jipproteġu l-familji u qraba tagħhom li jgħixu fid-dar tagħhom.

Filfatt, għal żewġ radjografi, żewġ fiżjoterapisti, infermiera u tabib, bħalissa ż-ŻAK House saret ir-residenza permanenti tagħhom. Ma kinitx deċiżjoni faċli għalihom li jitilqu u jħallu lill-familji tagħhom warajhom, b’xi wħud anke jħallu tfal żgħar warajhom mingħajr ma jafu meta ser jerġgħu jgħannquhom.  Iżda ma kellhomx għażla oħra. Hekk kif feġġ l-ewwel każ huma bdew jaħsbu fil-konsegwenzi li jaf ikun hemm fuq il-familji tagħhom peress li jaħdmu l-isptar u għalhekk raw li dan kien l-aħjar mod kif jipproteġuhom, speċjalment għal dawk li kienu jgħixu ma’ qraba li jaqgħu fil-faxxa ta’ nies vulnerabbli.

Kienet bidla kbira għalihom, li kellhom jgħixuha bit-tama li l-familji tagħhom jifhmu għaliex kellhom jieħdu dan il-pass. Ħabta u sabta kellhom jaddattaw għal realtà ġdida u jitilqu lil tal-familja fil-mument li xtaqu l-iktar appoġġ u għal żmien indefinit. Iżda għal xi wħud minnhom li trabbew fl-Azzjoni Kattolika u li għexu esperjenzi u memorji sbieħ f’din id-dar, il-fatt li qiegħdin f’post familjari jtaffi xi ftit mill-isfida li għaddejjin minnha.  L-appoġġ u r-refuġju li sabu mill-Azzjoni Kattolika, li rat li f’din id-dar ma jkun jonqoshom xejn, ittihom iktar kuraġġ biex jaffaċċjaw ġurnata oħra l-isptar. 

Għalhekk irridu niftakru li fit-tempesta li qiegħdin fiha “ilkoll fil-bżonn li nfarrġu lil xulxin”. Grazzi lil kull min qed ikun t’appoġġ f’dan il-mument u fuq kollox grazzi “lil dawk li qegħdin jiktbu l-ġrajjiet deċiżivi tal-istorja tagħna: tobba, infermiera, ħaddiema fis-supermarkets, dawk li jieħdu ħsieb it-tindif, dawk li jduru bil-morda, il-bdoti tal-merkanzija, il-forzi tal-ordni, voluntiera, saċerdoti, reliġjużi u tant u tant oħrajn li fehmu li ħadd ma jista’ jsalva waħdu.” (Papa Franġisku)