Coronavirus Lokali Saħħa

Il-Gvern ma kienx ikollu għalfejn jibni sptar ġdid kieku ma biegħx l-Isptar San Luqa

Ebda ħtieġa ta’ sptar prefabbrikat kieku l-Gvern ma biegħx l-Isptar San Luqa

Il-Ministeru tas-Saħħa nqabad f’sitwazzjoni imbarazzanti dwar il-proposta tal-Gvern li jinbni fi tmien ġimgħat sptar prefabbrikat. Dan kemm għaliex jiċċirkondaw din is-sejħa għall-offerti hemm allegazzjonijiet serji li saru mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi kif ukoll għaliex l-istess sptar ma kienx ikollu għalfejn jinbena kieku l-Gvern ma biegħx l-Isptar San Luqa lill-privat minn wara dahar il-poplu Malti u Għawdxi.

Fir-rigward tal-bini ta’ dan l-isptar ġdid, li hu maħsub li jinbena biswit l-Istpar Mater Dei,  qiegħed jissokta jikber l-argument fis-sens li kieku l-Gvern ma biegħx l-Isptar San Luqa, kieku llum mhux kostrett u b’dahru mal-ħajt li jrid jibni sptar ġdid ieħor li s-sejħa tal-offerti dwaru ngħalqet ilbieraħ.

Il-Gvern, minn wara dahar kulħadd, biegħ l-Isptar San Luqa – flimkien mal-Isptar Karen Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex – lil Vitals Healthcare bir-riżultat li issa l-Istat spiċċa bla sodod biżżejjed biex joffri l-kura lil dawk li jkollhom bżonn sodda fi sptar.

Dan apparti l-fatt li tul is-snin li għaddew il-Gvern ta l-għexieren tal-miljuni tal-ewro lil Vitals u lil Steward Healthcare u lura għal dawn il-flus, il-poplu Malti u Għawdxi ma ħax is-servizz li jixtieq u li kien mistenni. Il-Gvern tul dawn l-aħħar snin baqa’ jżoqq lil Vitals u lil Steward b’għexieren ta’ miljuni ta’ ewro – dejjem flus minn but il-poplu Malti u Għawdxi – u f’mumenti fejn għandu bżonn jagħti l-kura lill-istess Maltin u Għawdxin qed jirriżulta li fil-pajjiż m’hawnx sodod biżżejjed.

Issa f’daqqa waħda l-Gvern ħareġ bl-idea li jrid jibni sptar ġdid prefabbrikat bi spiża li la qal kemm hi u anqas kif se tinħareġ. Din is-sejħa għall-offerti, li l-Ministeru tas-Saħħa ħariġha permezz tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi,  ingħalqet ilbieraħ.

Fis-sejħa għal din l-offerta l-Gvern qed jgħid li jrid jinxtara, ikun imwassal u stallat f’pajjiżna sptar prefabbrikat li jkun jiffunzjona fi żmien tmien ġimgħat mill-iffirmar tal-ftehim bejn il-Gvern u l-kuntrattur li jingħata din l-offerta.

Dawk kollha li rtiraw id-dokument bl-ispeċifikazzjonijiet dwar din is-sejħa għall-offerti – kemm-il darba huma interessati li jidħlu għal dan il-proġett – iridu fi spazju ta’ tmien ġimgħat jgħaddu lill-Gvern, sptar ġdid mgħammar bl-apparat kollu meħtieġ u li jrid ikun kapaċi jilqa’ xejn inqas minn disgħin pazjent flimkien mal-istaff.

Kif tħabbar aktar kmieni din il-ġimgħa, għalkemm b’mod speċifiku l-COVID-19 mhux imsemmi f’din is-sejħa għall-offerti, kollox jindika li l-intenzjoni wara l-użu ta’ dan l-isptar hi biex fih jinżammu iżolati u fi kwarantina dawk il-pazjenti li jkunu ttestjati pożittivi għall-istess virus. B’hekk jidher li dan l-isptar jista’ jintuża biex pazjenti ġodda jitpoġġew fih u ma jkomplux jitpoġġew fi sptarijiet oħrajn stabbiliti bil-probabbiltà li l-virus ikompli jinxtered.

Sadattant f’nofs din il-ġimgħa u meta s-sejħa għall-offerti dwar il-bini ta’ dan l-isptar ġdid kienet fit-tieni jum tagħha, id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi  żvela allegazzjonijiet serji li wasslu biex il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne jitlob biex il-proċess għall-aġġudikazzjoni jkun minnufih sospiż biex jassigura li ma jkunx hemm aġir ħażin.

Jason Azzopardi żvela li kumpanija Ġermaniża ntalbet tipprovdi kwotazzjoni għall-bini tal-isptar prefabbrikat lil kumpanija Maltija li għandha rabtiet mal-Partit Laburista. Din it-talba saret aktar minn ġimagħtejn ilu.   

Is-sejħa għall-offerti dwar dan il-proġett kienet mistennija tagħlaq nhar il-Ħamis li għadda, iżda l-Ministru Fearne talab li l-proċess jitwaqqaf temporanjament “sakemm nara x’inhi din is-sitwazzjoni ħalli niddeċiedi jekk hemmx verità f’dak li qed jingħad jew le.”

Fil-kamp mediku qed jingħad li dan l-isptar kien mistenni li jinbena f’wieħed mill-parkeġġi ħdejn l-Isptar Mater Dei.

Qed jingħad ukoll li biex tali sptar jinbena u jkun mgħammar b’mod effettiv, trid tintefaq somma ta’ bejn it-€80 u €90 miljun. Sadattant il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, skont kif iggwidata, ħarġet sejħa għall-offerti li riedet tingħalaq fi spazju ta’ tlett ijiem!

Sorsi infurmati qalu lil il-mument li hemm qbil li dak li kien qed jipprova jagħmel il-Gvern bħalissa – meta l-Gvern qed  ikollu jirrikorri għal pass bħal dan grazzi għall-irresponsabbiltà tiegħu stess li jbigħ l-isptarijiet Maltin u wara miljuni kbar li tħallsu lil kumpaniji barranin b’nuqqas kbir ta’ esperjenza – issa ġejna fi stat li ma nistgħux nużaw l-Isptar San Luqa għal emerġenza bħal din.

Naturalment il-mistoqsija naturali li qed tkompli tqum hi għaliex il-Gvern ma ħejjiex pjan serju u minn qabel għal dak li jista’ jiżviluppa fil-pajjiż?