Coronavirus Lokali

“Il-Gvern m’għandux flus għal kulħadd” – il-gazzetta illum

“Il-Gvern m’għandux flus għal kulħadd” – il-gazzetta illum qalet dan f’artiklu li ġie ppubblikat fil-gazzetta tal-Ħadd fejn sostniet li l-Gvern jrid jiġbor €1.1 biljuni f’taxxa u bolla minn min iħaddem u min jaħdem għal rasu. Mhux hekk biss iżda wkoll il-Gvern irid jiġbor €2.7 biljun f’VAT li ilhom pendenti għal għexieren ta’ snin.

Espert li tkellem mal-gazzetta illum qal li ammont kbir ta’ miljuni ma jistgħux jinġabru, b’kollox €915-il miljun. Dan għaliex kien hemm kumpaniji li għalqu u telqu mill-pajjiż, u għalhekk jagħmluha diffiċli biex id-Dipartiment tat-Taxxi jintraċċa dawn il-flus.

Fl-aħħar jiem infatti minkejja li huma ħafna dawk li spiċċaw bla xogħol jew b’ammont ta’ sigħat konsiderevoli mnaqqsa minħabba l-impatt tal-Covid-19, numru ta’ dipartimenti tal-Gvern għadhom qed jibgħatu lill-familji diversi kontijiet fejn jingħad li jridu jitħallsu fi żmien qasir.

Bosta huma dawk li tkellmu magħna u qalulna li jinsabu urtati għall-mod kif qed iħossuhom trattati mill-Gvern.

Familji u anzjani li tkellmu ma’ NET NEWS qalulna li l-ebda pakkett mit-tlieta li ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela ma jolqothom direttament u allura ftit li xejn għandhom flus deħlin bħalissa minħabba l-kriżi ekonomika.

Il-konijiet li baqgħu joħorġu mhux biss kienu dawk tad-dawl u l-ilma iżda wkoll tat-taxxa.

Sa issa l-Gvern għadu ma ħabbar ebda miżura rigward dawn il-ħlasijiet li qed jirrabjaw lil ħafna nies. Infatti l-Gvern, minkejja l-insistenza mill-Partit Nazzjonalista u minn bosta korpi kostitwiti biex inaqqas jew joffri inċentivi għall-kontijiet tad-dawl u l-ilma, ma ħabbar l-ebda miżura ta’ dan it-tip. Anzi, spiċċa jattakka lill-PN b’argumenti partiġġjani.

Ħafna qed jinsistu li la n-nies qed jobdu l-pariri tal-Gvern u qed jibqgħu ġewwa, dan ifisser li hemm aktar konsum tal-elettriku u l-ilma, u għalhekk huwa neċessarju li l-Gvern joffri inċentivi.