Coronavirus Ekonomija Kummerċ Lokali

Il-Gvern m’għandux iħalli barra l-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali

Il-Gvern għandu jassigura li ma jeskludi lil ħadd fil-miżuri li jdaħħal

F’dawn il-mumenti diffiċli li lkoll flimkien qed ngħixu u li jirrikjedu ħafna sagrifiċċji, hu importanti li l-Gvern, meta jkun se jdaħħal miżuri biex niġġieldu l-imxija tal-virus, ma jħallix barra l-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali.

Jien insellem lill-imsieħba soċjali kollha għax-xogħol importanti u prezzjuż li qed jagħmlu u tajjeb li kulħadd japprezza dan l-impenn tagħhom u jismagħhom mill-viċin.

Karl Gouder, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar ix-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali, qal li kulħadd għandu japprezza li dan hu mument ta’ inċertezza u ħafna nies huma ġenwinament inkwetati u qed jagħmlu ħafna mistoqsijiet. Min qiegħed id-dar qed jistaqsi kif se jitħallas tal-leave bil-kwarantina li qed jieħu. U kemm hu twil dan il-perjodu? U min irid joħroġ mid-dar biex jikri kif se jagħmel għaliex f’dawn is-sitwazzjonijiet ma jistax jibqa’ jgħix mal-ġenituri tiegħu?

Hemm min qiegħed jistaqsi kif se jitwaslulu l-mediċini darba hu msakkar fid-dar.  U kif se jagħmel għax-xirjiet tas-soltu?

Hemm bżonn li l-Gvern kemm jista’ jkun malajr jiċċara l-affarijiet biex ikun hawn aktar serħan tal-moħħ.

F’dawn il-jiem kellimni bidwi li għandu r-raba’ u qalli li għandu l-annimali. Dan hu bidwi ta’ 65 sena. Staqsieni kif issa jista’ jibqa’ jitma’ lill-annimali jekk hu ma jistax joħroġ mid-dar? 

Persuna oħra li jgħix waħdu u juża l-insulina qed jgħix f’inċertezza kbira ta’ x’jista’ jsir minnu. Fil-verità lil nies bħal dan min se jgħinhom fil-mumenti tal-bżonn tagħhom?

Dawn huma kollha mistoqsijiet leġittimi li tajjeb li wieħed janalizza u jindirizza malajr kemm jista’ jkun għall-ġid ta’ kulħadd.

Naturalment fl-isfond ta’ dan kollu l-messaġġ tiegħi jibqa’ wieħed ta’ kuraġġ u tama. Ħadd qatt ma immaġina li kellna ngħaddu minn din l-esperjenza iebsa u diffiċli, iżda nemmen li jekk inkunu lkoll magħqudin, allura nistgħu nterrqu ‘l quddiem.

Napprezza biex nisimgħu b’attenzjoni dak li jkollhom xi jgħidu l-awtoritajiet tas-saħħa u nagħmlu dak li jgħidulna għall-ġid tagħna b’mod individwali u anki bħala poplu Malti u Għawdxi.

Fin-nofs hemm is-saħħa tagħna u l-Gvern għandu jpoġġi dan il-prinċipju fuq quddiemnett ta’ kull miżura li jieħu. L-aħħar pakkett finanzjarju ma kienx biżżejjed. Kien tajjeb għal 60,000 ħaddiem, iżda fil-pajjiż hawn mal-100,000 ħaddiem ieħor li wkoll ħaqqhom l-għajnuna u l-appoġġ għax huma wkoll qed jgħixu żminijiet diffiċli.

Jiġifieri l-Gvern, fil-miżuri li jdaħħal, għandu jassigura li ma jeskludi lil ħadd għaliex kulħadd hu importnati u kulħadd għandu familja x’jitma’ u x’jieħu ħsieb.