Coronavirus Edukazzjoni Lokali

Il-KNŻ jappella għal serħan il-moħħ tal-istudenti

Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, il-KNŻ jappella lill-Gvern sabiex jiġu ċċarati xi punti essenzjali għall-istudenti. 

L-ewwelnett, l-istudenti li se joqogħdu għall-eżamijiet f’Settembru li ġej, se jingħataw wkoll livell 2 u 3 tar-riżultati jew tintuża s-sistema tradizzjonali? 

It-tieni nett, studenti li jirċievu l-livell tagħhom bħala 2/3, xorta jistgħu jagħżlu li jimpenjaw ruħhom fl-eżamijiet ta’ Settembru jew dawn ikunu esklużi? 

L-istudenti jixtiequ wkoll li tiġi ċċarata s-sitwazzjoni fir-rigward tas-sessjonijiet prattiċi u l-eżami orali u jikkonfermaw jekk dawn ġewx imneħħija b’mod indefinit.

Huwa kruċjali li l-Ministru tal-Edukazzjoni jkun ċar fuq dawn il-punti kif dan se jaffettwa direttament l-istudenti li jixtiequ jistudjaw barra minn pajjiżna fil-futur. 

Il-KNŻ iħeġġeġ lill-Gvern biex jiċċara dawn il-kwistjonijiet ħalli l-istudenti jkollhom serħan il-moħħ f’dawn iż-żminijiet diffiċli.