Coronavirus Ekonomija Lokali

Il-korruzzjoni qed torbot idejn il-Gvern milli jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma

Il-korruzzjoni kienet u għadha, u għaliha qiegħed iħallas u jagħmel tajjeb il-poplu Malti

Hu stat ta’ fatt li l-korruzzjoni istituzzjonalizzata fil-pajjiż qed torbot idejn il-Gvern tal-Prim Ministru Robert Abela milli jraħħas kif meħtieġ u mistenni l-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Għall-korruzzjoni qiegħed ikomplu jagħmel tajjeb il-ħaddiema u l-familji li qed jużaw aktar servizzi ta’ dawl u ilma għax qed ikollhom joqogħdu aktar fid-dar, u issa qed jiffaċċjaw kontijiet ogħla tad-dawl u l-ilma għaliex il-Gvern ma jridx iraħħashom.

David Agius, il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni u l-Kelliem dwar ir-Riżorsi u l-Enerġija, qal li meta feġġgħet il-kriżi tal-coronavirus f’pajjiżna, il-PN, allura mill-4 ta’ Marzu lil hawn, ħareġ b’numru ta’ proposti biex il-Gvern ikun jista’ jagħmel affarijiet bl-iskop li l-poplu Malti u Għawdxi ma jbatix.

Fost il-proposti li saru kien hemm is-sospensjoni tat-taxxa tal-VAT, l-eżenzjoni temporanja tal-VAT lir-ristoranti u lill-ħwienet fil-catering u proposti oħrajn mill-aktar validi u importanti.

Fit-13 ta’ Marzu l-Oppożizzjoni qalet lill-Gvern li hemm bżonn li jkun hemm tnaqqis ta’ 50% fit-tariffi tad-dawl u l-ilma hekk kif hi ħaġa naturali li l-familji se jkollhom kontijiet ogħla milli s-soltu jirċievu. Għalhekk l-Oppożizzjoni, biex tilqa’ għal dan, ħasbet f’rati mnaqqsa b’50%.

L-appell tal-Oppożizzjoni hu biex il-Gvern iraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma jekk hemm bżonn sax-xahar ta’ Mejju. Iżda l-Gvern qiegħed jissokta jirreżisti li jagħmel dan għaliex qal li l-Partit Nazzjonalista għandu kont tad-dawl u l-ilma li hu pendenti. Jewwilla l-Partit Laburista mhux ukoll għandu kont tad-dawl u l-ilma li hu pendenti? Il-media tal-Partit Laburista mhux ukoll għandha kont tad-dawl u l-ilma li hu pendenti? Hi tassew ħasra li l-Prim Ministru waqqa’ dan l-argument f’livell tant partiġġjan qatt mistenni minnu.

Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju xejn mistenni mill-Prim Ministru, il-poplu jdur fuqu u jistaqsih x’għamel fir-rigward ta’ terzi fost sħabu li qed  jaqilgħu mal-€5,000 kuljum u jimla’ butu bl-aktar mod sfaċċat minn fuq dahar il-poplu Malti?

Il-poplu jdur ukoll fuq il-Prim Ministru Robert Abela u jistaqsih x’qed jiġri fl-Electrogas.  Sal-lum il-Prim Ministru għadu ma għamel xejn dwar dan il-kuntratt infami u moqżież li għalih qed ikollu jagħmel tajjeb il-ħaddiem Malti u l-familji Maltin.

Il-poplu Malti jdur fuq il-Prim Ministru Robert Abela li wiegħed li se jkun qed jiġġieled lill-korruzzjoni, iżda sal-lum għadu ma għamel xejn u l-korruzzjoni kienet hemm u għadha hemm u għaliha qiegħed ikollu jħallas u jagħmel tajjeb il-poplu Malti.