Internazzjonali

Il-Papa jappoġġja waqfien mill-ġlied ‘globali’ fid-dawl tal-coronavirus

Il-Papa Franġisku appoġġja s-sejħa tas-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres, biex jidħol fis-seħħ waqfien mill-ġlied fuq bażi globali. bil-għan li d-dinja tkun tista’ tikkonċentra fuq it-trażżin tal-pandemija tal-coronavirus.

Meta tkellem waqt it-talba tal-Anġelus, fil-Librerija tal-Palazz Apostoliku tal-Vatikan ( minflok mill-gallarija li tħares għal fuq Pjazza San Pietru), il-Papa rrefera speċifikament għall-appell li ħareġ bih Guterres waqt konferenza tal-aħbarijiet virtwali.

Il-Papa Franġisku fakkar li l-mard ma jafx fruntieri waqt li appella biex kulħadd ‘iwaqqaf kull forma ta’ ostilità u jaħdem fuq sistemi li jippermettu l-għajnuna umanitarja, is-suċċess tal-isforzi diplomatiċi u attenzjoni lin-nies fl-aktar sitwazzjonijiet vulnerabbli’.

Madwar terz tal-imwiet mill-coronavirus seħħew fl-Italja, li tinsab taħt lockdown nazzjonali u li għandha t-tieni l-akbar numru ta’ infezzjonijiet wara l-Istati Uniti.

Kienu konfermati sitt każi tal-coronavirus fl-artijiet tal-Vatikan, bit-testijiet isiru wara li qassis fir-residenza tal-Papa instab pożittiv għall-virus. Il-kelliem għall-Vatikan, Matteo Bruni, qal, intant, li l-Papa u l-eqreb uffiċjali tiegħu mhumiex morda bil-Covid-19.

L-effetti soċjali tal-pandemija provdew il-paraguni mal-perjodi diffiċli tat-Tieni Gwerra Dinjija; il-kriżi finanzjarja globali tal-2008 u l-pandemija tal-Influwenza Spanjola tal-1918 li kienet qatlet mal-50 miljuni madwar id-dinja.

In-Nazzjonijiet Uniti qed isservi bħala medjatur biex ittemm il-konflitti f’numru ta’ pajjiżi bħas-Sirja, il-Libja u l-Jemen, filwaqt li tipprovda l-għajnuna umanitarja lil miljuni ta’ ċivili. Antonio Guterres wissa li krollaw is-sistemi tas-saħħa fil-pajjiżi mifnija bil-gwerra u li l-ftit ħaddiema tas-saħħa professjonali li fadal f’dawk l-Istati ta’ spiss qed jispiċċaw mira tal-ġlied.

Intant, fl-indirizz tal-Ħadd, il-Papa appella lill-awtoritajiet biex ikunu ‘sensittivi’ għall-problema tal-coronavirus fil-kumplessi ta’ ħabs ( ħafna minnhom iffullati) madwar id-dinja waqt li wissa li s-sitwazzjoni (fil-ħabsijiet) kapaċi ‘tinbidel fi traġedja’.