Coronavirus Lokali Saħħa

Is-saħħa tagħna m’għandhiex tispiċċa f’nofs il-pika ta’ bejn Robert Abela u Chris Fearne – PN

Il-Prim Ministru Robert Abela llum reġa’ kkonferma li sa mill-bidunett li faqqgħet l-imxija tal-COVID-19 f’pajjiżna ma kienx kapaċi li jieħu d-deċiżjonijiet u minflok kien proattiv spiċċa kien reattiv u selettiv.

Fi stqarrija l-PN qal li bħalma l-PM kaxkar saqajh sakemm ittieħdet id-deċiżjoni li jingħalqu l-ajruport u l-portijiet meta setgħu ġew limitati l-każijiet, issa iżjed moħħu li jmur fuq it-televiżjoni u jmeri lid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne dwar il-miżuri tal-Awtoritajiet tas-Saħħa għall-anzjani u l-vulnerabbli.

Robert Abela jrid jifhem li ż-żmien tat-taqtigħa għat-tmexxija tal-Partit Laburista ilha li ntemmet, u li m’għandniex nibżgħu ngħidu li lockdown huwa meħtieġ jew li noqgħodu nbeżżgħu li dan huwa xi house arrest għaliex dawn huma żminijiet kritiċi fl-imxija tal-COVID-19 f’pajjiżna.

Għandna nagħmlu dak kollu possibbli biex inrażżnu l-imxija tal-virus biex is-settur tas-saħħa jkun f’pożizzjoni aħjar li jagħti l-kura lill-pazjenti u l-vulnerabbli. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun proattiv u jgħaddi iżjed proposti konkreti għas-setturi differenti tas-soċjetà tagħna f’dawn iż-żminijiet diffiċli għaliex flimkien nistgħu nirbħu din l-isfida.