Coronavirus Internazzjonali

“Is-sitwazzjoni se tmur għall-agħar qabel titjieb” – Boris Johnson

Mistennija aktar restrizzjonijiet fir-Renju Unit

Il-Prim Ministru Brittaniku Boris Johnson wissa li l-kriżi tal-Coronavirus se tmur aktar għall-agħar qabel ma titjieb. Dan il-kliem inkiteb f’ittra li qed tintbagħat lil kull familja tar-Renju Unit.

Boris Johnson, li preżentament qed jiżola lilu nnifsu wara li ttestja pożittiv għal Covid-19, qal ukoll li jistgħu jsiru aktar restrizzjonijiet stretti jekk ikun hemm il-ħtieġa.

Fil-jiem li ġejjin il-Brittaniċi se jiksbu wkoll fuljett li jagħti dettalji dwar ir-regoli tal-gvern dwar it-tluq mid-dar u informazzjoni dwar is-saħħa.

In-numru ta’ vittmi ta’ Covid 19 fir-Renju Unit issa laħaq 1,019, b’260 mewt oħra mħabbra nhar is-Sibt.

Sa issa hemm 17,089 każ ikkonfermat fir-Renju Unit.