Coronavirus Internazzjonali Saħħa

L-Italja b’terz tal-vittmi globali

L-imwiet fl-Italja jiżdiedu b'756

Hekk kif kaġun tal-COVID-19, diversi pajjiżi madwar id-dinja jinsabu taħt lockdown, in-numru ta’ vittmi qed ikompli jiżdied b’rata mgħaġġla.

S’issa kienu kważi 33,000 il-persuni li tilfu ħajjithom, filwaqt li dawk pożittivi jammontaw għal ftit iktar minn minn 691,000. Aħbar xi ftit jew wisq pożittiva hi li s’issa fiequ total ta’ iktar minn 147,000 persuna.

Terz ta’ dawn l-imwiet seħħew kollha fl-Italja. Fil-pajjiż ġar tagħna, l-ammont ta’ vittmi kawża tal-coronavirus jibqa’ wieħed għoli, hekk kif fl-aħħar 24 siegħa tilfu ħajjithom 756 persuna… b’iktar minn 400 mewta fir-reġjun tal-Lombardia biss…. sabiex issa t-total ta’ fatalitajiet qed ilaħħaq kważi 11,000 persuna.

Il-każi pożittivi ġodda żiedu b’iktar minn 5,000 għal total ta’ ftit inqas minn 98,000. Dan filwaqt li fiequ total ta’ iktar minn 13,000 persuna.

Il-lockdown fl-Italja li kellha tibqa’ fis-seħħ tas-3 ta’ April se tkun estiża għal iktar ġranet, dan sabiex jitnaqqas it-tixrid tal-coronavirus.

Fi Spanja, dan il-virus qed ikompli jinfirex b’rata allarmanti. Il-każi pożittivi issa telgħu għar-raba’ l-għola fid-dinja hekk kif laħaq kważi 79,000 każ… fejn matul il-jum tal-Ħadd irreġistraw l-ogħla rata ta’ mwiet, fejn s’sissa tilfu ħajjithom iktar minn 6,500 persuna.

Intant il-President tal-Istati Uniti Donald Trump qal li kien se joħroġ avviż ta’ restrizzjoni dwar l-ivjaġġar lejn il-Belt ta’ New York, speċjalment lejn iz-zoni l-aktar milquta mill-Covid-19.  Bl-istess Trump jgħid li l-kwarantina mhux se tkun neċessarja.

Din l-aħbar ta’ Trump ġiet wara li fl-Istati Uniti n-numru ta’ mwiet mill-COVID-19 issa qabeż l-2,200 numru li rdoppja mill-jumejn qabel. L-Istati Uniti tinsab fil-quċċata tal-lista hekk kif għandha aktar minn 124,000 każ pozittiv madwar il-pajjiż kollu. Esperti tas-saħħa qed ibassru li jaf ikun hemm iktar minn 100,000 imwiet fir-Renju Unit biss.

Min-naħa l-oħra l-Prim Ministru Brittaniku Boris Johnson, li preżentament qed jiżola lilu nnifsu wara li ttestja pożittiv għal Covid-19, wissa li l-kriżi tal-Coronavirus mistennija tmur għall-agħar.

F’ittra li qed tintbagħat lil kull familja tar-Renju Unit, Johnson qal ukoll li jistgħu jsiru aktar restrizzjonijiet stretti jekk ikun hemm il-ħtieġa.

Fil-jiem li ġejjin il-Brittaniċi se jirċievu fuljett li jagħti dettalji dwar ir-regoli tal-gvern dwar il-ħruġ mid-dar u informazzjoni ġenerali dwar is-saħħa.

In-numru ta’ vittmi ta’ Covid 19 fir-Renju Unit issa laħaq l-1,235, b’iktar minn 200 mewt oħra mħabbra l-Ħadd. Sa issa hemm iktar minn 19,500 każ ikkonfermat fir-Renju Unit.Hekk kif il-Ħadd il-Knisja Kattolika fakkret il-ħames Ħadd tar-Randan, fl-Angelus il-Papa Franġisku qal li ħsibijietu jinsabu f’dawk kollha li bħalissa għaddejjin minn dan il-mument tant diffiċli għad-dinja kollha… nies li huma iżolati, fil-kwarantina, l-anzjani, nies li jinsabu l-isptar, u dawk il-ġenituri li mhux qed jirċievu s-salarju tagħhom u ma jafux kif se jipprovdu l-ikel għal uliedhom.