Internazzjonali

L-Italja…Il-mejtin bil-Covid-19 jiżdiedu b’756 għal 10,779

L-aħħar bullettin traġiku mill-Italja ikkonferma li l-vittmi tal-coronavirus (Covid-19) fil-pajjiż żdiedu b’756 fuq iċ-ċifra tas-Sibt u issa telgħu għal 10,779 bħala bilanċ nazzjonali. L-aħħar ċifri, intant, qegħdin jibbażaw fuq perjodu ta’ 24 siegħa.

Ir-rapporti qalu li waqt li reġgħu żdiedu l-każi ta’ infezzjoni — bi 3,815 għal 73,880 — fuq l-istess perjodu l-awtoritajiet Taljani ħadu nota wkoll li r-rata tal-mejtin naqset miċ-ċifri terribbli tal-Ġimgħa u s-Sibt, fost kummenti li l-Italja, issa, qed iġġarrab ‘l-eqqel tal-pandemija’.

Fost is-756 mejtin ‘ġodda’ hemm 416 fil-Lombardija, bl-awtoritajiet mediċi jikkonfermaw ukoll li madwar 4,000 infermier fil-pajjiż spiċċaw infettati bil-Covid-19.

In-nies li fiequ fl-Italja issa huma stabbiliti mat-13,030 — jiġifieri żieda ta’ 646 fuq iċ-ċifri tas-Sibt.

Sadanittant, il-Minsitru Taljan għas-Saħħa, Roberto Speranza, kien fost dawk li sostnew li l-Italja, issa, għaddejja ‘mill-agħar tal-uragan tal-coronavirus’ . Speranza wissa li filwaqt li l-agħar jista’ jgħaddi f’qasir żmien, ikun żball oħxon jekk il-poplu jonqos milli jieħu l-prekawzjonijiet kollha possibbli f’dan il-perjodu daqstant delikat għalihom u għall-pajjiż.