Coronavirus Għawdex

L-Oppożizzjoni tibqa’ determinata li Għawdex ikun protett mill-COVID-19 – PN

Mill-arkivji

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista tifhem il-mument delikat li bħall-bqija tad-dinja, tinsab fih il-gżira ta’ Għawdex minħabba l-imxija ta’ Covid-19. Għalhekk qed toffri l-kollaborazzjoni tagħha permezz ta’ rakkomandazzjonijiet u kritika kostruttiva biex Għawdex ukoll ikun jista’ jilqa’ għall-isfidi li qed iġib miegħu dan il-virus.

Dan ħareġ minn stqarrija tal-Partit Nazzjonalista ffirmata minn Chris Said, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Għawdex u r-Riforma Kostituzzjonali, Fredrick Azzopardi, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni u Affarijiet Soċjali f’Għawdex u  Kevin Cutajar
Deputat Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista.

Rigward dan is-suġġett, l-oppożizzjoni Nazzjonalista segwiet il-konferenza stampa indirizzata ilbieraħ mid-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u t-tmexxija ta’ Steward Health Care li hi responsabbli għall-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Il-miżuri li tħabbru huma fid-direzzjoni t-tajba u l-oppożizzjoni qed tilqagħhom b’sodisfazzjon, anke għax huma fost miżuri li hi wkoll pproponiet. Però minn dak li qed jiġi osservat, iqumu mistoqsijiet oħrajn fosthom:

Għaliex se jkollna nistennew minn ġimgħatejn sa tlett ġimgħat, biex jiżdiedu s-sodod tat-terapija intensiva fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex?

Is-sodod għall-pazjenti tal-Covid-19 se jiżdiedu għal 120 għax ġew posposti numru ta’ operazzjonijiet f’ Għawdex u għax l-anzjani ta’ Dar Sant’ Anna se jittieħdu f’lukanda fir-Rabat. Allura dan kollu qed isir mhux għax Steward Health Care pprovdew iżjed sodod. Dan kollu se jitħallas minn Steward Health Care jew mill-Gvern?

F’Għawdex Steward Health Care suppost lestew l-isptar il-ġdid b’ 450 sodda sa Gunju 2018, filwaqt li l-Gvern suppost lesta dar għall-anzjani ġdida f’Għajnsielem erba’ snin ilu. Kieku dawn il-proġetti tlestew fil-ħin kif imwiegħed, kien ikun hemm provvista suffiċjenti ta’ sodod u kien jiġi evitat l-iskariġġ biex l-anzjani ta’ Dar Sant’Anna jiċċaqilqu f’post ieħor. Għaliex mhux jiġi spjegat min se jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dan?

Testijiet ta’ swabs li jittieħdu Għawdex mhux ser jiġu analizzati f’Għawdex stess iżda f’Malta, b’riskju li jintilfu l-ħin u riżorsi prezzjużi. Għaliex il-Gvern ma talabx li Steward Health Care jkollhom l-apparat meħtieġ biex din l-analiżi ta’ swabs li jittieħdu f’Għawdex tkun tista’ ssir fl-isptar t’Għawdex stess?

Ma sar ebda aċċenn għax-xufiera tal-ambulanzi u vetturi oħra tal-isptar li ilhom snin joperaw minn ġo container. Hemm bżonn urġenti li dawn jibdew joperaw minn post ieħor spazjuż u sigur għas-sigurta’ tagħhom u tal-pazjenti li huma jġorru kontinwament. Għaliex dan mhux qed jiġi indirizzat?

Għaliex ġiet eliminata l-possibilta li f’każ ta’ ħtieġa, pazjenti bil-Covid-19 jiġu trasportati għall-kura f’Malta bl-ajru, speċjalment issa li suppost li se jibda jopera air ambulance ġdid?

Qed jittieħdu biżżejjed miżuri biex l-ħaddiema tal-Gozo Channel ikunu tassew protetti, f’każ li pazjenti bil-Covid-19 ikollhom jiġu trasportati lejn Malta għall-kura, jew f’każ li jiġu f’kuntatt ma’ passiġġieri bil-Covid-19?

Għaliex il-ħaddiema tal-Gozo Channel intbgħatu fuq forced leave meta imbagħad il-ħaddiema barranin fuq il-vapur ‘Nikolaos’ baqgħu jaħdmu kuljum għal sebat ijiem fil-ġimgħa?

L-oppożizzjoni Nazzjonalista tħeġġeġ lill-Gvern sabiex jirrispondi dawn il-mistoqsijiet għall-benefiċju tal-Għawdxin.