Coronavirus Ekonomija Kummerċ Lokali

Mitt elf ħaddiem mingħajr għajnuna suffiċjenti

Il-mitt elf ħaddiema wkoll huma Maltin li kkontribwew għall-ġid ekonomiku ta' pajjiżna

Bit-tielet pakkett tiegħu l-Gvern qed jgħid li għal mitt elf ħaddiem il-prinċipju tad-distanza ma japplikax u allura f’dawn ir-riskji kollha jkollhom xorta waħda jmorru għax-xogħol bil-possibbiltajiet kollha li jdabbru l-marda u jeħduha d-dar magħhom.

Dan m’għandux ikun u l-Gvern, lil hinn minn kull argument ieħor, għandu jgħin lil dawn il-ħaddiema wkoll billi jestendi għalihom ukoll il-benefiċċji li ta lis-60,000 ħaddiem ieħor. Dawn ukoll huma Maltin li tul is-snin ikkontribwew għall-ġid ekonomiku ta’ pajjiżna.

Claudio Grech, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Benesseri tal-Familja, is-Solidarjetà Soċjali, il-Pensjonijiet, id-Drittijiet tat-Tfal u tat-Tarbija, fisser li l-ġid ekonomiku joħolquh min iħaddem, il-ħaddiema u kulmin jinvesti. Kull min iħaddem u kull min jinvesti jkollu ħolma li jinvesti bis-sħiħ fiha tant li jpoġġu flushom f’din il-ħolma biex jarawha tirnexxi u jirriskjaw dak kollu li jkollhom.

Is-sidien ħafna drabi jħarsu lejn il-kumpanija tagħhom b’għożża daqslikieku hi waħda minn uliedhom. Hu proprju dan il-prinċipju li l-Oppożizzjoni saħqet fuqu matul dawn l-aħħar ġimgħat bl-iskop li l-Gvern jirrealizza kemm hi importanti li jagħti għajnuna konkreta lil dawn in-nies biex isostnu l-operat u l-ħidma tagħhom f’dawn il-mumenti diffiċli.

U hawn jidħol l-argument dwar l-importanza tad-distanza soċjali f’dawn iż-żminijiet daqstant delikati biex dan il-mikrobu ma jkomplix jimxi. Hu xjentifikament ippruvat li din hi marda li timxi skont il-kuntatti li jsiru min-nies.

Dan hu obbligu ta’ kulħadd li jħares id-distanza, b’mod partikulari dan il-prinċipju japplika fir-rigward ta’ dawk li huma vulnerabbli u dgħajfa. Importanti li ma nkunux egoisti u nosservaw id-distanzi minn xulxin.

U nistaqsi hawnhekk: kif jorbtu flimkien dawn iż-żewġ prinċipji? Dawn iż-żewġ prinċipji jorbtu flimkien għaliex anki l-impjegati għandhom id-drittijiet tagħhom li jħarsu saħħithom u saħħet il-familji tagħhom. Jiġifieri li l-ħaddiem li joħroġ minn daru biex jaqla’ l-għajxien ta’ kuljum irid ikollu rasu mistrieħa li mhux jispiċċa jlaqqat il-marda hu u mbagħad jeħodha d-dar miegħu mill-post tax-xogħol.

Fil-jiem li għaddew il-Gvern ħabbar pakkett ġdid biex suppost jgħin lill-ekonomija.  U dan kollu wara ħafna insistenza mill-Oppożizzjoni u mill-imsieħba soċjali biex it-telf tal-impjiegi jkun mill-inqas possibbli. Imma dak li l-Gvern m’għamilx sa issa hu li jiftakar f’kulħadd għaliex fil-verità, fit-tielet pakkett li ħareġ jiftakar biss f’60,000 u l-kumpament tal-ħaddiema ħallihom jitbandlu għal riħhom. Iva, il-Gvern qiegħed iħalli mal-mitt elf ħaddiem ieħor mingħajr għajnuna suffiċjenti.

Bit-tielet pakkett tiegħu l-Gvern qed jgħid li għal mitt elf ħaddiem il-prinċipju tad-distanza ma japplikax u allura f’dawn ir-riskji kollha jkollhom xorta waħda jmorru għax-xogħol b’riskju li jdabbru l-marda u jeħduha d-dar.

X’jiswa li l-Gvern għalaq l-iskejjel biex imbagħad lill-ħaddiema fil-manifattura – jiġifieri lil dawk il-mitt elf ħaddiem li għalihom l-għajnuna tat-€800 ma tapplikax – mhux qed jgħinhom b’mod tanġibbli għaliex ta’ kuljum iridu jmorru għax-xogħol xorta waħda?